Il-Parlament Ewropew jappella għal azzjoni sostnuta tal-UE fil-ġlieda kontra l-kanċer
– Ħtieġa ta’ programm dedikat tal-UE dwar is-saħħa fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE
– Għandu jitjieb l-aċċess għat-trattament għall-pazjenti tal-kanċer madwar l-Ewropa
– Għandha titnaqqas id-diskriminazzjoni finanzjarja għas-superstiti tal-kanċer
– Fl-2024, 2.7 miljun persuna fl-UE instabu li għandhom il-kanċer u 1.27 miljun persuna tilfu ħajjithom bih.
L-MEPs iridu li l-UE ġġedded l-impenn politiku, il-finanzjament u l-koordinazzjoni tagħha biex issostni l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer.
B’427 vot favur, 15 kontra u 93 astensjoni, nhar il-Ħamis il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tfakkar il-Jum Dinji tal-Kanċer ta’ din is-sena (4 ta’ Frar).
Finanzjament dedikat għas-saħħa fil-baġit fit-tul li jmiss tal-UE
Biex tiġi żgurata l-kontinwità u investiment prevedibbli fl-inizjattivi ewlenin tal-UE, bħall-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer, il-Membri tal-PE jitolbu programm dedikat għas-saħħa tal-UE fil-baġit fit-tul tal-UE għall-2028-2034. Huma jridu li l-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE jirrikonoxxu l-kura tas-saħħa u tal-onkoloġija bħala objettivi ta’ investiment soċjali li jistgħu jintlaħqu permezz tal-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali (NRPPs), inkluż appoġġ għall-infrastruttura tal-kanċer fit-tul, bħal programmi ta’ tilqim u screening, żvilupp tal-ħaddiema fil-qasam u sistemi robusti ta’ data dwar l-onkoloġija.
Titjib fl-aċċess għall-mediċini, terapiji innovattivi u kura tal-kanċer minn pajjiż għall-ieħor
Il-Parlament itenni s-sejħa tiegħu biex jiġi żgurat aċċess ġust, f’waqtu u affordabbli għall-mediċini onkoloġiċi u t-terapiji innovattivi madwar l-UE. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-UE, għandha tiffaċilita l-akkwist konġunt volontarju, tippromwovi t-trasparenza tal-prezzijiet u tappoġġja dħul aktar mgħaġġel fis-suq għal trattamenti tal-kanċer li jsalvaw il-ħajjiet.
Il-Membri tal-PE jitolbu wkoll aċċess transkonfinali aktar faċli għall-kura speċjalizzata tal-kanċer u provi kliniċi, b’mod partikolari għal kanċers rari u kumplessi.
Tisħiħ tad-“dritt li wieħed jintesa” għas-superstiti tal-kanċer
L-UE u l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar biex jipproteġu lis-superstiti tal-kanċer madwar l-Ewropa mid-diskriminazzjoni finanzjarja, inkluż billi japplikaw id-“dritt li wieħed jintesa”, tgħid ir-riżoluzzjoni. Tappella wkoll għal qafas armonizzat li jiggarantixxi lis-superstiti tal-kanċer aċċess għal servizzi finanzjarji, inklużi ipoteki, self u assigurazzjoni.
Sfond
Il-kanċer bħalissa huwa t-tieni l-akbar kawża ta’ mortalità fl-UE, wara l-mard kardjovaskulari. Fl-2024, madwar 2.7 miljun persuna instabu li għandhom il-kanċer fl-UE u madwar 1.27 miljun tilfu ħajjithom bih. Il-Kumitat tas-Saħħa Pubblika tal-Parlament bħalissa qed iħejji rapport ta’ implimentazzjoni biex jivvaluta l-progress tal-inizjattivi tal-UE.
//= $special ?>

