Lokali

€15,000 u sentenza sospiża għal raġel li wettaq att vandalu fuq il-Ġgantija

Ritratt: Heritage Malta

Turist Ungeriż ta’ 30 sena, li kkaġuna ħsara permanenti u rreversibbli fuq parti mit-tempji tal-Ġgantija f’Għawdex ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u immultat €15,000.

Dan ir-raġel naqqax żewġ numri fuq megalit fl-istruttura tat-tramuntana ta’ dan il-monument Neolitiku ddikjarat mill-UNESCO bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji.

Heritage Malta, kkundannat bla rivervi dan l-att vandalu li twettaq fil-Park Arkeoloġiku tal-Ġgantija, u qalet li kieku jsiru tentattivi biex jitneħħa l-grif, dawn jikkompromettu l-kisja oriġinali fuq wiċċ il-ġebla u joħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għal deterjorament mgħaġġel.

It-Tempji tal-Ġgantija inbnew bejn is-sena 3600 u s-sena 3200 Q.K.

U issa, Heritage Malta qalet li se jkun qed isir intervent immedjat ta’ mitigazzjoni bħala prekawzjoni kontra aktar ħsara

Ġie żvelat ukoll illi meta dan it-turist ġie kkonfrontat minn ħaddiema u uffiċjali tas-sigurtà, hu ammetta li giref il-megalit u qal li ħaseb li mġiba bħal din hija permessa minħabba tnaqqix ieħor storiku fuq l-istess megalit.

Huwa kkopera mal-Pulizija li waslu fil-post, u esprima wkoll rimors għall-att li wettaq.L-Erbgħa waranofsinhar, l-Ungeriż tressaq fil-Qorti ta’ Għawdex, fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.