Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha, preseduta mill-Imħallef Doreen Clarke, ċaħdet rikors imressaq minn Pauline Pisani kontra l-Avukat tal-Istat fejn hija allegat ksur ta’ diversi drittijiet fundamentali wara li d-dar matrimonjali tagħha ġiet issiġillata waqt inkjesta maġisterjali.
Pisani sostniet li sofriet ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli, trattament inuman u degradanti, kif ukoll ksur tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, wara li d-dar tagħha fil-Mosta nqabdet minn inkjesta li fetħet fi tmiem Diċembru 2020 wara allegat ħruq u l-għajbien ta’ żewġha, Marcellino Pisani (ritratt), li sal-lum għadu meqjus bħala persuna nieqsa.
Mill-provi rriżulta li l-inkjesta nfetħet fit-28 ta’ Diċembru 2020 u ngħalqet fl-24 ta’ Mejju 2021, jiġifieri f’perjodu ta’ madwar ħames xhur. Il-Qorti osservat li dan it-terminu ma jistax jitqies bħala dewmien irraġonevoli. Hija nnutat ukoll li l-attriċi kienet telqet mid-dar matrimonjali f’Ottubru 2020 minħabba allegata vjolenza domestika, jiġifieri xahrejn qabel il-ħruq u l-ftuħ tal-inkjesta.
Il-Qorti rrilevat li Pisani kienet diġà fetħet proċeduri ta’ medjazzjoni għas-separazzjoni f’Ottubru 2020 u setgħet talbet lill-Qorti tal-Familja biex tingħata d-dritt tirrisjedi fid-dar matrimonjali ad esklużjoni ta’ żewġha, iżda ma għamlitx dan f’dak l-istadju. Skont il-Qorti, kien biss wara li żewġha ġie rrappurtat nieqes li hija bdiet titlob aċċess għall-proprjetà.
Marcellino Pisani, li meta għeb kellu 50 sena, kien deher għall-aħħar darba fil-Mosta fil-31 ta’ Diċembru 2020 fil-karozza tiegħu, Renault Captur, ta’ kulur blu ċar. Skont rapporti, dakinhar allegatament ta n-nar lid-dar matrimonjali tal-koppja. Il-Qorti kienet innutat li peress li d-dar inħarqet fl-istess żmien li Pisani għeb, inħatret inkjesta maġisterjali li ngħalqet biss ftit ġimgħat qabel tressqet il-kawża relatata mal-każ.
Tliet snin qabel l-għajbien tiegħu, Pisani kien sofra minn waqgħa li kissritlu s-sinsla u minn u spiċċa juża siġġu tar-roti. Erba’ xhur qabel ma għeb, huwa kien bagħat email lil dar residenzjali li tilqa’ persuni b’mard newroloġiku fejn talab biex jiddaħħal bħala resident. Minħabba nuqqas ta’ sodod disponibbli, id-dar bdiet tipprovdilu servizzi ta’ fiżjoterapija u konsulenza.
Wara l-għajbien tiegħu, il-familja tiegħu qabbdet għaddasa privati biex ifittxu fl-ilmijiet fondi qrib l-irdumijiet ta’ Mtaħleb. Il-pulizija użaw ukoll vettura remota taħt l-ilma biex jiskennjaw diversi żoni kostali, iżda baqa’ ma nstab ebda traċċa tiegħu jew tal-vettura.
Il-pulizija appellat kemm il-darba lil kull min għandu xi informazzjoni dwar Marcellino Pisani jew li seta’ ra l-karozza tiegħu biex iċempel fuq 119 jew jirrapporta fl-eqreb għassa tal-pulizija. Sadanittant, il-Qorti enfasizzat li l-Maġistrat Inkwirenti kellha funzjoni limitata għall-ġbir u l-preservazzjoni tal-provi u ma setgħetx tiddeċiedi dwar min kellu jirrisjedi fil-fond fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qorti kompetenti. Il-fatt li l-fond kien issiġillat kien marbut direttament mal-investigazzjoni kriminali u mal-bżonn li jiġu salvagwardjati l-provi.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll li martu kienet diġà ressqet kawża kostituzzjonali oħra fl-2021 kontra l-Avukat Ġenerali, b’talbiet identiċi, li kienet ġiet miċħuda, fost oħrajn, minħabba nuqqas li teżawrixxi r-rimedji ordinarji disponibbli. Dik is-sentenza ma ġietx appellata u għaldaqstant għaddiet in ġudikat.
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti sabet li l-attriċi naqset milli tuża r-rimedji ordinarji disponibbli fil-ħin opportun u li ma kien hemm ebda ksur tal-Artikolu 6, 3 jew 8 tal-Konvenzjoni Ewropea jew tal-artikoli korrispondenti tal-Kostituzzjoni Maltija. Għaldaqstant, ir-rikors ġie miċħud fl-intier tiegħu.
//= $special ?>

