Il-jiem tal-Karnival, partikolarment il-Ħadd u t-Tnejn mistennija jkunu kkaratterizzati minn temp pjuttost instabbli u riħ qawwi li se jippersisti anke wara l-ġurnata tal-Ħamis 12 ta’ Frar. Fil-fatt, bħalissa l-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu fis-seħħ twissija ħamra (l-ogħla grad ta’ twissija) minħabba r-riħ qawwi mill-Punent Majjistru li jista’ jilħaq qawwa ta’ riefnu (Forza 8), speċjalment fl-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Din it-twissija se tibqa’ fis-seħħ sal-Ġimgħa 13 ta’ Frar fis-6 ta’ filgħodu.
It-temp fl-ewwel jumejn taċ-ċelebrazzjonijiet, jiġifieri l-Ġimgħa 13 u s-Sibt 14 ta’ Frar, mistenni jkun ftit imsaħħab, bil-possibbilità ta’ ħalbiet iżolati tax-xita l-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija. Minkejja dan, mhux mistenni maltemp qawwi li jista’ jħarbat iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival madwar il-Gżejjer Maltin.
Il-ġurnata tal-Ġimgħa mistennija tiftaħ b’riħ qawwi mill-Punent Majjistru (Forza 7) iżda l-qawwa tar-riħ mistennija tonqos matul il-ġurnata hekk kif idur biex jonfoħ mill-Punent il-Lbiċ. Fil-fatt, sal-Ġimgħa filgħaxija, mistenni riħ moderat għal ftit qawwi (Forza 4 għal 5). Ir-riħ mistenni jerġa’ jitqawwa s-Sibt filgħaxija.
Matul dawn il-jumejn, it-temperatura ta’ matul il-jum mistennija tvarja bejn 18°C u
19°C u tinżel għal madwar 13°C u 14°C filgħaxija. It-temp mistenni jsir aktar instabbli għal Ħadd il-Karnival, hekk kif huwa mbassar temp imsaħħab, b’ħalbiet iżolati tax-xita li jistgħu jkunu bir-ragħad u anke riħ qawwi mill-Punent Majjistru li jista’ jilħaq Forza 6 għal 7.
It-temp mistenni jibqa’ instabbli anke matul il-ġurnata tat-Tnejn, b’aktar ħalbiet tax-xita mbassra għal
matul il-jum, u bir-riħ ftit qawwi għal qawwi. L-aħħar jum tal-Karnival jaf ikun ftit iżjed ħanin mad-dilettanti u dawk li jixtiequ jgawdu l-parata finali tal-karrijiet. Fil- fatt, it-temp għat-Tlieta 17 ta’ Frar mistenni li jkun ftit imsaħħab. Madanakollu, ir-riħ se jibqa’ ftit qawwi għal qawwi matul il-ġurnata (Forza 5 għal 6) u jsir qawwi (Forza 6) mill-Punent il-Lbiċ filgħaxija. Ir-riħ qawwi mill-Majjistral mistenni jbaxxi wkoll it- temperaturi, hekk kif bejn il-Ħadd u t-Tlieta, l-ogħla temperatura mhix mistennija taqbeż is-16°C, filwaqt li tinżel għal madwar 11°C matul il-lejl.


