B’maġġoranza ta’ 219 kontra 211, il-Kungress Amerikan ivvutat favur miżura li tikkanċella ż-żieda fit-tariffi li l-President Trump daħħal fis-seħħ fil-konfront tal-Kanada.
Fi Frar tal-2025, il-President Trump impona tariffa ta’ 25% fuq kull prodott importat mill-Kanada – jiġifieri li bejjiegħa Amerikani li xtaqu jbiegħu prodott Kanadiż kellhom iħallsu taxxa ta’ 25% żejda.
Skont il-President Trump, hu impona t-tariffa minħabba li l-Kanada ma ħaddmitx biżżejjed biex twaqqaf it-traffikar tad-droga fentanyl lejn l-Istati Uniti. Numri mill-Aġenzija Federali tad-Dazju u tal-Protezzjoni tal-Fruntiera juru li inqas minn 0.1% tal-fentanyl li daħal fl-Istati Uniti fl-2023 ġie mill-Kanada.
Din it-tariffa ġiet imposta minn Trump innifsu bl-użu tal-International Emergency Economic Powers Act li hija liġi federali li tagħti l-poter lill-President biex jimponi tariffi biex jillimita l-effetti ta’ “emerġenza nazzjonali”.
Il-vot fl-ewwel kamra tal-Kungress kien ibbażat fuq din il-kwistjoni eżatta; jekk il-President użax il-liġi b’mod illegali u jekk kienx hemm emerġenza nazzjonali li setgħet tiġġustifika l-miżura.
Il-kamra ivvutat biex tikkanċella l-miżura avolja l-Partit Repubblikan ta’ Trump jokkupa l-maġġoranza tas-siġġijiet. Il-mozzjoni rnexxielha tgħaddi peress li sitt Repubblikani vvutaw mad-Demokratiċi.
Qabel il-vot ma kien konkluż, il-President Trump avża b’post fuq il-pjattaforma tiegħu ‘Truth Social’ li Repubblikani, kemm fil-Kamra tar-Rappreżentanti u kemm fis-Senat, li jivvotaw kontra xi tariffa minn tiegħu se jkunu qed “isofru l-konsegwenzi serjament” fi żmien l-elezzjoni nkluż l-eliġibilità tagħhom biex joħorgu għall-elezzjonijiet f’isem il-partit.
Tlieta minn dawn is-sitt Repubblikani stqarrew li t-tariffi qed jaffettwaw lil konstitwenzi tagħhom minħabba li l-prezzijiet qegħdin jgħolew kawża tat-“tfixkil fis-supply chains“. Komplew billi jgħidu li l-awtorità tal-Kungress fuq il-poter tal-issettjar tat-tariffi għandha tkun protetta.
Skont wieħed minnhom, Don Bacon, – li qiegħed jirtira din is-sena – ħafna Repubblikani fil-Kungress huma kontra l-policies tal-kummerċ ta’ Trump peress li l-partit storikament iffavurixxi l-kummerċ ħieles iżda ma jisfidgħux lil Trump minħabba li “ma jridux jispiċċaw fuq in-naħa l-ħażina tal-President”.
Wieħed m’għandux jinsa li l-elezzjonijiet tal-Kungress se jseħħu f’Novembru ta’ din is-sena.
Il-vot eventwali fis-Senat jaf ikun simili ta’ dak li seħħ fil-Kamra tar-Rappreżentanti peress li fl-2025 is-Senat ivvotat darbtejn b’maġġoranza kontra tariffi mposti bl-istess mod minn Trump minkejja li r-Repubblikani għandhom maġġoranza fis-Senat ukoll.
Intant, il-President għandu l-poter li jimponi veto li tħassar il-voti fil-kmamar tal-Kungress. Biex veto mill-President tkun mgħelba, irid ikun hemm maġġoranza ta’ żewġ terzi f’kull kamra tal-Kungress – li hija sitwazzjoni improbabbli ħafna.
Dibattiti fuq il-legalità tal-użu tal-poteri taħt emerġenza qiegħdin iseħħu wkoll fil-Qorti Suprema. Intant, f’Novembru li għadda bosta Prim Imħallfin fil-Qorti Suprema – inkluż Imħallfin konservattivi li appunta Trump stess fl-ewwel terminu tiegħu – espremew dubju dwar il-ġustifikazzjonijiet ta’ Trump għall-użu ta’ poteri taħt emerġenza.
Hu mistenni li se jkun hemm iżjed sfidi għat-tariffi ta’ Trump fil-ġimgħat li ġejjin peress li jum qabel dan il-vot, l-istess Kamra tar-Rappreżentanti vvutat kontra mozzjoni Repubblikana – li rat ribelljoni ieħor minn ftit Repubblikani – li pprovat timblokka l-Kungress milli tisfida l-policy tal-kummerċ tal-amministrazzjoni ta’ Trump.
Il-kittieb tal-mozzjoni biex tiġi kkanċellata t-tariffa li mpona Trump fuq il-Kanada, Gregory Meeks, ħabbar li diġà għandu mozzjonijiet lesti biex jisfida t-tariffi ta’ Trump fuq il-Messiku, il-Brażil, u fuq bosta pajjiżi oħra li kien impona unilateralment fl-hekk imsejjħa Liberation Day f’April tal-2025.
Il-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana tivvota biex tikkanċella t-tariffi ta’ Trump fuq il-Kanada


