Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jistenna tweġibiet mill-Gvern dwar l-iskejjel ta’ wliedna

Inċident li seta’ kellu konsegwenzi aktar gravi fl-iskola tal-Mużika fil-Ħamrun; l-Oppożizzjoni ilha ħafna tistaqsi dwar l-istat tal-iskejjel tal-arti f’pajjiżna

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Ministers Justin Schembri u Julie Zahra, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jieħu aktar bis-serjetà l-edukazzjoni ta’ wliedna u jinvesti flus il-poplu biex il-binjiet edukattivi tagħna – huma liema huma – issirilhom manutenzjoni kif suppost u mhux jitħallew fi stat ta’ telqa li jista’ jipperikola s-sigurtà tal-istudenti u l-edukaturi tagħna.

Wara li fl-aħħar xhur saru diversi Mistoqsijiet Parlamentari mill-Oppożizzjoni dwar in-nuqqas ta’ investiment fl-iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva fil-Ħamrun li minnha tagħmel parti wkoll l-Iskola tal-Mużika, illum fil-media ġie rrappurtat inċident li seta’ kellu konsegwenzi ferm aktar gravi.

Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk il-Gvern hux qed jistenna li jweġġa’ serjament xi student jew edukatur qabel ma jagħmel dak li hu d-dmir tiegħu li jagħmel u jiżgura li din l-iskola tkun xierqa għat-tagħlim.

Skont rapport ta’ Newsbook, “numru ta’ studenti sofrew minn xi ġrieħi wara li parti mis-saqaf waqgħet fuq l-istudenti tal-iskola tal-Arti Viżwali u Performattiva, l-MVPA”.

Ironikament ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru waqt attività politika kellu quddiemu tifel minn din l-istess skola li kkritika n-nuqqas ta’ riżorsi f’din l-iskola, iżda l-Prim MInistru għażel li jinjora kompletament it-tħassib ta’ dan l-istudent, jinjora l-mistoqsija u jmur minnufih għal mistoqsija oħra.

Dan jirrifletti preċiż l-attitudni tal-Gvern lejn l-arti u l-kultura u l-investiment fl-iskejjel tal-arti, bl-Oppożizzjoni ilha tikkritika lill-Gvern Laburista għan-nuqqas ta’ investiment f’dawn l-iskejjel. Dan hu Gvern li fejn tidħol l-arti u l-kultura u l-edukazzjoni f’dawn l-oqsma, deffes rasu fir-ramel.

Din l-iskola, li hija skola speċifikament għall-arti performattiva, kienet diġà spiċċat bla hall għax is-sala tal-iskola għandha s-saqaf ikkundannat. L-istudenti kienu qed jiddubbaw billi jużaw sala oħra li tintuża wkoll minn entitajiet oħra. Issa din ukoll jidher li ma tinsabx fi stat tajjeb biex tintuża mill-istudenti.  

Dan ifisser li l-iskola tal-arti performattiva spiċċat bla teatru fejn l-istudenti tagħha jistgħu jtellgħu l-produzzjonijiet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern iwieġeb dwar dak li seħħ illum f’din l-iskola, u li minnufih jiżgura li din l-iskola tkun mhux biss post sigur għall-istudenti u l-edukaturi imma wkoll li jsir l-investiment meħtieġ fiha biex studenti bħal dak li esprima d-diżappunt tiegħu mal-Prim Ministru jkollhom ir-riżorsi mqar bażiċi li wieħed jistenna li jsib f’dawn l-iskejjel.