Internazzjonali

Ir-Russja tiprojbixxi WhatsApp minħabba li tqis lil Meta bħala”organizzazjoni estremista”

Il-Gvern Russu qiegħed jaħdem biex jimblokka l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni WhatsApp sal-aħħar tas-sena.

WhatsApp hija applikazzjoni mmaniġjata mill-kumpanija Amerikana Meta – li tmexxi ukoll il-Facebook u l-Instagram.

WhatsApp hija l-iktar applikazzjoni tal-komunikazzjoni użata fir-Russja b’mill-inqas 100 miljun utenti fil-pajjiż.

Skont l-uffiċjal tal-Gvern Russu, Andrei Svintsov, miżuri ħorox bħal dawn huma “assolutament ġustifikati” minħabba li l-Gvern Russu fl-2022 iddikjara li Meta hija “organizzazjoni estemista”.

Wara dik id-dikjarazzjoni, kemm Facebook u kemm Instagram ġew imblukkati fil-pajjiż. Il-Gvern Russu qiegħed jieħu dan il-pass bħala parti mill-għan tiegħu li jinkiseb “Internet sovran” li l-Gvern spjega bħala post diġitali “maqtugħ minn teknoloġija tal-Punent u minn influwenza barranija”.

F’dawn l-aħħar snin, il-Gvern Russu mblokka l-użu tal-Facebook, l-Instagram u Snapchat, u tefgħet restrizzjonijiet fuq il-FaceTime tal-kumpanija Amerikana Apple. Intant, anke l-applikazzjoni privata Russa ‘Telegram’ issa qiegħda tiġi mblukkata avolja m’hijiex kumpanija barranija u lanqas m’hi mill-Punent.

Minn naħa tagħha, Meta akkużat lill-Gvern Russu li qiegħda timblokka applikazzjonijiet immaniġjati privatament ħalli tkun tista’ timbotta lill-poplu Russu fuq l-applikazzjoni ‘Max’ “li hija sorveljata mill-Istat”.

Intant, wara ordni mill-Gvern Russu, l-applikazzjoni tal-Istat ‘Max’ ilha tiġi awtomatikament installata fuq kull mowbajl ġdid fis-suq Russu minn Awwissu tal-2025.