Lokali Qorti

Kuċċier jinżamm taħt arrest preventiv wara li qabbad stalla

Kersten Catania, kuċċier ta’ 34 sena, residenti l-Marsa, ammetta quddiem il-Qorti li ta n-nar stalla fil-lokalità tiegħu stess u dan wara li nqabad minn kamera tas-sigurtà tal-akkwata. Kollox jindika li fil-ħin tal-inċident, b’xorti tajba ma kienx hemm żwiemet jew xi annimali ġewwa l-istalla.

Id-difiża ma talbitx għal ħelsien mill-arrest, u għalhekk il-Qorti ordnat li Catania jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sakemm jingħata s-sentenza. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Rizzo u Lydon Zammit, flimkien mal-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-akkużat kien rappreżentat mill-Avukat Yanica Barbara.