F’seduta fil-Kumitat Ġudizzjarju tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Avukat Ġenerali, Pam Bondi, ġiet affaċċjata b’mistoqsijiet mill-membri dwar l-immaniġjar tal-Epstein Files mid-Dipartiment tal-Ġustizzja.
Tul is-seduta, Pam Bondi ddevjat mill-kritika u attakkat lill-membri Demokratiċi inkluż wieħed mill-membri ewlenin tal-Partit Demokratiku Jamie Raskin bħala “washed-up loser lawyer“.
Ir-rappreżentanti ma żammewx lura milli jattakaw lil-Avukat Ġenerali Bondi talli d-dipartiment tagħha falla biex jirrediga l-ismijiet ta’ vittmi – li kien rekwiżit bil-liġi.
Bilqiegħda warajha kien hemm vittmi ta’ Jeffrey Epstein liebsin bl-abjad li kienu mitluba mill-membru Demokratika Pramila Jayapal biex iqumu bilwieqfa jekk ma kienux offruti l-opportunità biex jiltaqgħu mad-Dipartiment tal-Ġustizzja, li wasslet biex kull wieħed u waħda minnhom iqumu.
Jayapal emfasizzat li anke xi ritratti ta’ vittmi arwenin ġew ippublikati.
Minn naħa tagħha, l-Avukat Ġenerali Bondi stqarret li l-uffiċjali tad-dipartiment kienu qiegħdin jagħmlu li jistgħu fil-ħin qasir li ġie allokat mill-istess kamra – li kienet ivvutat għall-ippubblikar tal-Epstein Files f’Novembru li għadda.
Meta ġiet mitluba minn Jayapal biex tiskuża ruħha mal-vittmi, Bondi staqsiet għaliex id-Demokratiċi ma skużawx ruħhom ma’ Trump talli kienu vvotaw biex ikeċċu lil Trump mill-irwol tiegħu fl-ewwel terminu tiegħu, waqt li faħħret l-figuri ekonomiċi taħt it-tmexxija tiegħu.
L-iktar skambju drammatiku tas-seduta kien bejn Bondi u membru Demokratika Becca Balint. B’risposta għat-talba ta’ Balint biex Bondi tiltaqgħa mal-vittmi Bondi ddiflettat billi ssemmi r-rekord ta’ Balint fuq l-Iżrael fejn issuġġeriet li Balint hija antisemitika. Balint wieġbet b’rabja li nannuha kien inqatel fil-Holocaust.
Ritratti li ġew ippubblikati wara s-seduta żvelaw li fis-seduta Bondi kellha magħha s-search history tal-Membri Parlamentari li kienu żaru d-Dipartiment tal-Ġustizzja biex jinvestigaw l-Epstein files inkluż id-dokumenti li għadhom ma ġewx magħmula aċċessibbli pubblikament.
Il-membru Jayapal allegat fuq il-mezzi soċjali li Bondi ssorveljat it-tfittxijiet tal-Membri Parlamentari biex tikseb vantaġġ fis-seduta minkejja s-suppost “separazzjoni bejn l-Eżekuttiv u l-Leġislattiv”.
L-Avukat Ġenerali Amerikana affaċjata bi kritika ħarxa dwar l-Epstein Files


