Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-għoli tal-ħajja qed taffettwa l-aktar il-familji bi dħul baxx – il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew esprima t-tħassib tiegħu għall-impatt tal-għoli tal-ħajja fuq iċ-ċittadini Ewropej, hekk kif fl-aħħar xhur, ir-rata tal-inflazzjoni żammet fuq livelli konsistentement għolja. F’Malta, saħansitra, l-għoli tal-ħajja kompla xahar wara l-ieħor jiżboq il-medja tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport tal-Parlament Ewropew, approvat din il-ġimgħa waqt sessjoni plenarja fi Strasburgu, jgħid li l-istabbilità fil-prezzijiet għandha tkun prijorità ewlenija, u li kien jistenna li l-Bank Ċentrali Ewropew jieħu aktar azzjonijiet immedjata biex jindirizza din is-sitwazzjoni. L-istess rapport sab li l-prezz medju ta’ ikla ta’ kuljum issa hija madwar terz ogħla minn dak li kienet qabel il-pandemija, xi ħaġa li tħalli impatt aktar qawwi fuq familji bi dħul baxx.

Filwaqt li l-inflazzjoni tolqot bosta pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, statistika tal-Eurostat tindika li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija aktar akuta, hekk kif sa Diċembru 2025, l-inflazzjoni f’Malta kienet tlaħħaq it-2.4%, 0.1% aktar mill-medja Ewropea u ferm aktar mir-rata taż-żona ewro, li hija dik ta’ 1.9%. Barra minn hekk, statistika riċenti tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tikkonferma li l-akbar kontributuri għal din iż-żieda f’pajjiżna huma l-prezzijiet tal-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku.

Dan jikkonferma wkoll it-tħassib tal-maġġoranza taċ-ċittadini Maltin u Ewropej. Fi stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru, aktar minn 40% tal-Maltin poġġew iż-żieda fil-prezzijiet bħala l-aktar ħaġa li qed tinkwetahom. Skont it-tbassir ekonomiku tax-xitwa tal-Kummissjoni Ewropea, l-inflazzjoni mistennija tinżel ftit għal 2.1% matul din is-sena.

Il-Membri Parlamentari Ewropej qalu li l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jwettaq analiżi dettaljata tar-raġunijiet li qed iżommu l-inflazzjoni f’dawn il-livelli biex jittieħdu l-lezzjonijiet meħtieġa għal kriżijiet futuri.

Il-Parlament Ewropew insista wkoll li l-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ewropew hi essenzjali fil-ħidma biex tinżamm stabbilità fil-prezzijiet. Il-Membri Parlamentari sostnew ukoll li l-politika monetarja għandha tkun waħda kawta u ffukkata fuq il-ħarsien tal-familji, filwaqt li tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika tal-Unjoni Ewropea kollha.