Lokali

L-OHSA b’diversi twissijiet minħabba t-twissija ħamra li ppubblikat is-CPD

L-Awtoritá għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qed tfakkar fi prekawzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol wara t-twissija ħamra li ħarġet mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

L-OHSA qed twissi sabiex il-ħaddiema jevitaw xogħol barra f’għoli jew qrib strutturi instabbli u anke xogħol fuq soqfa, skaffoldin jew passaġġi elevati.

L-Awtorità qed twissi wkoll sabiex jintrabtu l-materjali, għodod, tagħmir u strutturi temporanji kollha li jistgħu jiċċaqalqu. Dan filwaqt li għandu jkun żgurat li s-sinjali u l-komunikazzjoni fuq is-sit jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali.

Madanakollu, l-OHSA qed tappella sabiex kulħadd joqgħod attent qrib s-siġar, il-linji tal-elettriku u anke strutturi temporanji. Dan filwaqt li l-krejnijiet għandhom jitħallew iduru ġaladarba ma jkunux taħt superviżjoni u ma għandux ikollhom piżijiet.

Finalment, l-OHSA, qed tavza sabiex il-ħaddiema jippjanaw l-ivvjaġġar tagħhom b’attenzjoni u jallokaw aktar ħin, filwaqt li jibqgħu attenti minn materjal ta’ skart jew oġġetti li jistgħu jaqgħu qrib parkeġġi u postijiet ta’ dħul.