Min-nies għan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lill-pubbliku biex fi tmiem il-ġimgħa d-dieħla jipparteċipa fil-Konvenzjoni Nazzjonali Malta ’l Quddiem li l-għan tagħha se jkun li tiġbor u tixtarr dak li għandhom xi jgħidu n-nies biex il-PN joħloq politika bil-vuċi taċ-ċittadin fiċ-ċentru tagħha, u programm elettorali li jaħdem għan-nies.
Kif wiegħed il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fil-kampanja tiegħu għal Kap tal-PN, din il-Konvenzjoni se sservi bħala spazju miftuħ fejn l-ideat, l-enerġija u l-esperjenzi tan-nies jingħaqdu f’viżjoni li tifforma l-politika tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ilaqqa’ din il-Konvenzjoni Nazzjonali nhar is-Sibt 21 u l-Ħadd 22 ta’ Frar fil-Lukanda Excelsior.
Is-Sibt bejn id-9am u s-1pm, wara l-ftuħ mill-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut u d-diskors taċ-Chairman tal-Konvenzjoni George Vital Zammit, se jkunu qed isiru numru ta’ workshops immexxija minn għadd ta’ moderaturi.
L-għada l-Ħadd, imbagħad, bejn id-9am u n-12:30pm, ir-rapporteurs ta’ kull workshop jippreżentaw il-konklużjonijiet tagħhom waqt li ssir diskussjoni bis-sehem ta’ numru ta’ esperti minn oqsma differenti. Wara li l-Konvenzjoni tkun indirizzata minn mistieden speċjali, il-Konvenzjoni tiġi fi tmiemha b’messaġġ tal-għeluq mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg.
Quddiemha l-Konvenzjoni se jkollha numru ta’ temi importanti li se jservu bħala bażi għad-diskussjoni:
- Malta kif nafuha – Malta li tgħix sew fiha
- Ġid li tassew jilħaq lil kulħadd
- Komunitajiet b’saħħithom
- Gvern li jieħu ħsiebek
- Malta lesta għal għada
- Għawdex fil-qalba tal-viżjoni nazzjonali
Il-Konvenzjoni Nazzjonali – kif jixhed isimha – se tkun miftuħa għal kull min jixtieq isemma’ leħnu, u għalhekk minbarra lit-tesserati tiegħu li huma mħeġġa biex jieħdu sehem attiv f’dan il-proċess ta’ djalogu, il-PN qed jestendi l-istedina lill-Maltin u l-Għawdxin kollha li jixtiequ jipparteċipaw biex jipparteċipaw f’din il-Konvenzjoni.
Għall-Konvenzjoni qed jiġu mistiedna wkoll l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti, kif ukoll l-għaqdiet ewlenin tal-pajjiż biex flimkien ma’ numru ta’ esperti, huma wkoll jagħtu l-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-PN fid-diversi oqsma.
Dan għaliex il-PN jemmen li s-soluzzjonijiet jistgħu jinstabu biss meta nġibu lil kulħadd flimkien – individwi, komunitajiet, negozji, NGOs, unions u oħrajn biex nisimgħu lil xulxin u flimkien infasslu l-ġejjieni. B’hekk din il-Konvenzjoni sservi verament bħala katalista tal-ideat u minnha noħorġu qafas ta’ policies li jwassluna għall-ġejjieni, biex flimkien inkunu nistgħu mmexxu lil Malta ‘l quddiem.
//= $special ?>

