Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib serju għall-fatt li persuna li qed tiffaċċja akkużi kriminali mill-aktar serji, fosthom ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, ġiet magħżula mill-Università biex tippreżenta podcast ġdid tal-ogħla istituzzjoni edukattiva f’pajjiżna.
Filwaqt li jifhem li l-eks partner tal-kumpanija Nexia BT Karl Cini huwa impjegat tal-Università, il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar din l-għażla, għaliex tista’ tidher bħala attentat ta’ ħasil tar-reputazzjoni ta’ persuna li għandha dell tqil fuqha.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħeġġeġ lill-akkademiċi jitkellmu dwar dak li jkun qed jiġri fil-pajjiż. Illum diversi akkademiċi esprimew id-diżappunt tagħhom b’rabta ma’ dan il-każ.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ġustizzja u li kull bniedem għandu d-dritt għal smigħ xieraq u ġust. Madankollu lanqas ma jistenna li xi ħadd b’akkużi mill-aktar serji b’rabta mal-Panama Papers li għaddej proċeduri fil-qorti fuq wieħed mill-akbar skandli ta’ korruzzjoni f’Malta jiġi inkarigat mill-ogħla istituzzjoni edukattiva tal-pajjiż biex imexxi inizjattiva bħal din.
//= $special ?>

