Angelo Micallef
Pajjiżna huwa mogħni b’ħafna ġojjieli ta’ wirt storiku u naturali. Postijiet li jixhdu kif dawn il-gzejjer minkejja ċ-ċokon tagħhom għandhom ħafna x’joffru.
Dawn il-ġojjelli mhumiex limitati biss għal dawk iz-zoni turistiċi li nisimgħu dwarhom spiss, imma saħansitra huma mifruxa madwar Malta u Għawdex. Fosthom wieħed irid isemmi r-raħal tipiku Malti, b’dawk it-toroq dojoq, b’galleriji tal-injam mill-isbaħ u b’dawk id-djar li wħud minnhom ikollhom valur storiku kbir.
Bla dubju ta’ xejn wieħed minn dawn il-villaġġi huwa dak ta’ Ħal Balzan li tiegħu kburi li nservi bħala sindku.
Il-valur storiku ta’ Ħal Balzan
Ħal Balzan huwa mogħni b’bosta rkejjen ta’ valur storiku u estetiku u jkun dnub faħxi jekk nitilfu l-karattru ta’ dan ir-raħal li f’moħħ ħafna Maltin huwa assoċjat mat-trankwillità u mal-kultura taċ-ċitru. Iżda r-realtà hi li dawn il-karatteristiċi huma mhedda bil-kbir.
Ma nistax hawn ma nagħmilx referenza għal blog eċċellenti mill-eks Kunsillier Balzani Desmond Zammit Marmarà li fuq Newsbook fis-26 ta’ Jannar b’rabta ma’ deċiżjoni kontroversjali riċenti ta’ ppjanar f’Ħal Balzan kiteb hekk:
“Hekk, b’daqqa ta’ pinna, dan il-Bord approva l-barbariżmu ambjentali ta’ min ġie waqa’ u qam mill-patrimonju storiku-kulturali ta’ pajjiżna u anke ċekken drastikament pulmun aħdar f’Ħal Balzan fejn l-ispazji ħodor qegħdin dejjem jonqsu. Din hi deċiżjoni li tirredikola lill-istess Awtorità tal-Ippjanar li l-iżviluppatur injora r-regolamenti tagħha u anke turi disprezz kbir lejn ir-residenti ta’ Ħal Balzan.
Għiduli, ħbieb tiegħi, x’messaġġ qegħdin nagħtu lill-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ pajjiżna? – Messaġġ li jekk tikser il-liġijiet u r-regolamenti tmur tajjeb u timxi ’l quddiem. Dawn huma deċiżjonijiet tassew immorali u huwa propju għalhekk li llum għandna soċjetà mimlija nies opportunisti, irresponsabbli, u rgħiba għall-flus. Għax meta min suppost qiegħed hemm biex jara li l-liġijiet u r-regolamenti jiġu osservati jispiċċa jaġevola lil min jiksirhom, allura kif tistenna li eżempju pessimu bħal dan ma jiġix segwit minn ħafna nies komuni?
Kif nistgħu qatt nimxu ’l quddiem f’dan il-pajjiż meta saħansitra s-Sindku ta’ Ħal Balzan ġie injorat meta qajjem punti validi ta’ oġġezzjoni? – Għalfejn ħloqna l-Kunsilli Lokali jekk imbagħad l-awtoritajiet stess jinjoraw lil min joġġezzjona għaliex għandu għal qalbu l-interessi tar-residenti tal-lokalità li jirrappreżenta permezz tal-kariga pubblika tiegħu?”
Meħtieġ qafas sod ta’ protezzjoni
Filwaqt li nirringrazzja lis-Sur Zammit Marmarà tal-appoġġ, naħseb li dan huwa punt kruċjali. Pajjiżna jeħtieġ li jibża’ għal dawn il-ġojjelli tiegħu u jeħtieġ li jagħmel dan bil-fatti u mhux biss bil-kliem. Jeħtieġ li jkollna qafas sod ta’ protezzjoni u jeħtieġ li l-kelma ta’ Kunsill Lokali ma tkunx daqshekk faċli sabiex tiġi injorata kompletament.
Jeħtieġ li nifhmu li rridu nibżgħu għal dak li ħallewlna missirijietna biex aħna nħalluh lil uliedna. Dan ma jfissirx li għandna ngħixu fi presepju fejn ma jsirx żvilupp imma jfisser li rridu naraw li kollox isir bil-qies u b’mod li jagħmel sens. Għadu mhux tard wisq, anke jekk f’pajjiżna diġà saret ħafna ħsara u ntilfu ħafna ġojjelli. Jeħtieġ iżda li llum qabel għada nqumu għal din ir-realtà u naraw li nkunu aktar attenti u aktar konxji mill-effett fuq il-futur ta’ pajjiżna ta’ dak li nagħmlu llum.
Tkompli l-kampanja ta’ Trump kontra l-Kanada
Il-President Amerikan Donald J Trump kompla bil-kampanja qalila tiegħu kontra l-Kanada.
Din id-darba fiċ-ċentru tal-kontroversja hemm il-ftehim kummerċjali propost bejn il-Kanada u ċ-Ċina u pont bejn l-Istati Uniti u l-Kanada.
Trump qiegħed ikompli jimxi bil-ponn tal-ħadid mal-ġar tal-Istati Uniti u pajjiż li għal tant u tant snin kien ħabib u alleat tal-Istati Uniti. Politika ta’ ponnijiet u theddid mibnija fuq kultura li tuża t-tariffi bħala arma biex tilwi l-idejn. Politika li tkompli turi kemm ma jkunx għaqli min jagħżel li jibni l-futur tiegħu marbut fuq dipendenza fuq l-Istati Uniti.
Politika li m’għandi ebda dubju li in the long run se tispiċċa biss tweġġa’ lill-Istati Uniti.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 12 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

