Mark A. Sammut Sassi
Dal-aħħar il-Qorti Kostituzzjonali tat sentenza li, fil-fehma ta’ bosta, fetħet triq ġdida fil-ħarsien tal-Jeddijiet tal-Bniedem f’Malta. Ukoll, tat raġun lill-Imħallef Giovanni Bonello li kien ilu żmien jisħaq proprju favur il-punt li ġie deċiż.
Premessa
Il-problema kull meta nitkellmu dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem hi li dawn huma fl-istess waqt bżonjużi u perikolużi.
Għaliex?
Bżonjużi għax hemm bżonn limiti għall-poter tal-Istat u ta’ Setgħat oħrajn (bħalma hi l-Unjoni Ewropea) fuq l-individwu. Mingħajr it-tarka tal-Jeddijiet tal-Bniedem, l-Istati u Setgħat oħrajn jistgħu litteralment jagħmlu ħajjet in-nies infern, jew saħansitra jeħduhielhom ħajjithom.
F’dil-ottika – ta’ tarka tal-individwu kontra l-armi tal-Istat u Setgħat oħrajn – il-Jeddijiet tal-Bniedem huma aktar minn bżonjużi. Fil-fatt, huma essenzjali. Mingħajrhom, ikun hemm il-ħakma assoluta, li fiha l-individwu ma jiswa xejn għajr riżorsa għas-setgħanin li jistgħu jarmuha kif ġieb u laħaq. Allura, il-Jeddijiet tal-Bniedem huma garanzija fil-prattika.
Mill-banda l-oħra, il-Jeddijiet tal-Bniedem huma perikolużi mil-lat filosofiku, għax huma frott l-individwaliżmu miġjub mill-ħsieb u l-viżjoni tal-Protestanti.
B’differenza mill-Kattoliċi, il-Protestanti jemmnu li ma hemmx bejjien jew intermedjarju bejn il-Bniedem u Alla. Fil-viżjoni Protestanta, ma hemmx ħtieġa tal-qrar, jiġifieri tal-mekkaniżmu li bih il-fidil jitkellem ma’ qassis biex jifhem dnubu (jekk ikun hemm dnub), u minflok jitkellem direttament ma’ Alla. Dil-importanza mogħtija lill-individwu, a skapitu tal-miġemgħa (il-Knisja, fil-persuna tal-qassis), twassal għall-pożizzjoni filosofika li biha l-individwu jinqata’ mill-miġemgħa (jew mill-kotra) u jibda jqis il-mod tiegħu ta’ kif jara d-dinja bħala fuq tal-oħrajn u d-deżiderji u x-xewqat tiegħu bħala supremi, kważi kważi mingħajr limiti.
L-individwaliżmu esaġerat, maħlul minn kull irbit mal-kotra, iwassal biex id-deżiderju tal-individwu kważi kważi jsir jedd, u kważi kważi jedd fundamentali. Hu dan hu perikoluż, għax l-ebda individwu ma huwa gżira, u kull individwu jiffjorixxi biss għax hemm individwi oħrajn. Fis-solitudni, l-individwu jaqa’ f’depressjoni; anzi, is-solitudni, il-qtugħ mill-kotra, hi l-kastig għal min jikser ir-regoli: il-priġunija hi proprju dan: il-ħati jiċċaħħad mill-kumpanija u mill-interazzjoni libera mal-kotra.
Issa, biex inkun ċar, jiena konxju li hemm aktar minn kurrent wieħed fejn jidħlu dal-kunsiderazzjonijiet dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem. Hemm il-kurrent li jarahom bħala wild il-ħsieb Kattoliku (id-Dritt Naturali). Iżda jien naħseb li għandu aktar raġun il-kurrent li – bħal Harold Berman u John Witte Jr., ngħidu aħna – jara linja diretta bejn il-Protestantiżmu (fil-forom Luterana u Kalvinista tiegħu) u l-Jeddijiet tal-Bniedem, proprju minħabba fit-tagħlim tagħhom dwar il-libertà tal-kuxjenza (riġett tas-sagrament tal-qrar) u r-reżistenza għat-tiranni.
B’danakollu, jien nemmen ukoll li l-kunċett komunitarju tat-tagħlim Kattoliku hu importanti biex il-libertà tal-kuxjenza u r-reżistenza għat-tiranni ma jiddeġenerawx f’anarkija u fis-sopravvent tan-narċisiżmu individwalista fuq il-ħtieġa li wieħed jgħix f’komunità u allura soġġett għad-dmirijiet u l-obbligi lejn għajru.
(Kemm hi sabiħa l-kelma “għajrek” – trid taħseb ukoll f’kulħadd għajr int; trid xi drabi teskludi lilek innifsek mill-ħsieb tiegħek. Dan hu l-antidotu għall-egoiżmi u n-narċisiżmu. Santu Wistin, Kierkegaard, C.S. Lewis u bosta oħrajn elaborawh dal-ħsieb, tal-Kristjaneżmu bħala trażżin tan-narċisiżmu. B’xorti ħażina, Jeddijiet tal-Bniedem estremizzati jwasslu għan-narċisiżmu.)
Muhsen v. Avukat tal-Istat et
Dik il-premessa twila ma għamilthiex għax hi marbuta partikolarment mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali. Għamiltha bħala appunt, li japplika b’mod ġenerali għall-Jeddijiet tal-Bniedem u li bih ridt nirreġistra l-ħsieb li, bħal dejjem, iż-żejjed hu għadu tat-tajjeb. Kif għedt, iżda, mhuwiex ħsieb marbut mas-sentenza msemmija.
Issa se ndawwar ħarsti fuq is-sentenza li ġabet rebħa kbira f’Malta għall-ħarsien ta’ dal-jeddijiet: Ajil Al Muhsen v. Avukat tal-Istat u Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali, deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali fit-2 ta’ dax-xahar li qegħdin fih.
Ir-rebħa kbira li saret ma nafx nistgħux inqisuha r-rigal tal-addiju tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti. Jekk hi hekk, irridu nroddulu ħajr. Għax sal-lum kien diffiċli f’kawża ta’ jeddijiet tal-bniedem li titlob miżura provviżorja. “Miżura provviżorja” tfisser li l-Qorti tiddeċiedi xi tip ta’ miżura waqt li l-kawża għadha għaddejja, u dan sabiex, jekk verament ikun hemm ksur ta’ jedd fundamentali li jkun tali li joħloq ħsara li ma tistax tissewwa, allura dik il-ħsara ma tibqax għaddejja waqt li għaddejja l-kawża, imma titwaqqaf, anki jekk provviżorjament.
Il-pożizzjoni aċċettata s’issa, u naħseb li wieħed jista’ jgħid aċċettata minn kulħadd, kienet li biex tingħata miżura provviżorja jrid ikun hemm kemm ksur prima facie (jiġifieri mad-daqqa t’għajn, mingħajr ħtieġa ta’ eżami fil-fond), kif ukoll il-ksur irid joħloq dannu li ma jkunx hemm rimedju għalih jew li joħloq preġudizzju serju li ma jistax jistenna sas-sentenza finali biex jissewwa.
Issa, is-sentenza li qed nitkellmu dwarha bidlitha dil-pożizzjoni. Issa, individwu jista’ jmur il-Qorti u jressaq argument biex jitlob miżuri provviżorji billi jindika ksur prima facie biss.
Prosit lill-Qorti Kostituzzjonali ta’ dal-iżvilupp ta’ benefiċċju kbir għal kulħadd! M’għandix l-iċken dubju li għal Giovanni Bonello u l-oħrajn kollha li għandhom għal qalbhom il-Jeddijiet tal-Bniedem, dan kien jum ta’ ċelebrazzjoni! Imma anki għal min mhux avukat jew mhux midħla tat-teknikalitajiet tal-Jeddijiet tal-Bniedem, kien jum importanti – għax il-Jeddijiet tal-Bniedem huma tagħna lkoll u neħtiġuh dat-tip ta’ ħarsien.
Barra minn dan kollu, dis-sentenza wriet, għal darb’oħra, il-ħtieġa li tinżamm id-dinjità tal-ġudikatura. Qed ngħid dan fid-dawl tal-mod etikament skadenti li bih il-Prim Ministru aġixxa fil-kustjoni tal-għażla ta’ Prim Imħallef ġdid.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 12 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

