Raġel ta’ 43 sena miż-Żurrieq tressaq quddiem il-Qorti wara li allegatament instab fil-pussess ta’ 30 gramma kokaina f’żona li tinsab taħt 100 metru fil-viċinanzi ta’ skola jew postijiet li spiss jiġu ffrekwentati minn żgħażagħ.
Il-pulizija akkużaw lir-raġel b’reati relatati mad-droga, li jiġu kkunsidrati aggravati minħabba l-prossimità tal-post ma’ skejjel, klabb jew post fejn jiltaqgħu iż-żgħażagħ. L-akkużat qal li ma kienx ħati u talab li jingħata l-bail.
Il-prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest, billi ċċarat il-biża’ li l-akkużat jista’ jipprova jinfluwenza xhieda jew jħassar evidenza. Allegatament, l-akkużat kien diġà pprova jagħmel ħsara fuq bieb ta’ garaġġ ta’ wieħed mix-xhieda ċivili involuti fil-każ.
Id-difiża argumentat li l-evidenza kollha rilevanti kienet diġà f’idejn il-pulizija u li kwalunkwe tħassib dwar ix-xhieda jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ ordni ta’ protezzjoni. L-avukati d-difiża infurmaw il-Qorti wkoll li l-akkużat ammetta li għandu problema u kien lest li jirċievi għajnuna professjonali.
Il-Qorti, preseduta mill-Magistrat Claire Stafrace Zammit, aċċettat it-talba għall-bail. L-akkużat ħareġ fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni f’favur ix-xhud, imponiet ordni ta’ trattament u poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ sorveljanza temporanja.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Warren Galea flimkien mal-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-akkużat kien rappreżentat mill-Avukati Alfred Abela u René Darmanin.
//= $special ?>

