Lokali

“Sakemm Ġejt Int’ – kanzunetta miktuba minn Kapitlu Tlettax

Kapitlu Tlettax jiftħu l-2026 b’“Sakemm Ġejt Int”, kanzunetta riflessiva u mrażżna li tiffoka fuq bidla emozzjonali u fuq l-impatt li persuna waħda tista’ tħalli fuq il-mod kif wieħed iħares lejn il-ħajja.

Il-kanzunetta nkitbet minn Kapitlu Tlettax fuq idea ta’ David Alosio flimkien ma’ Cyprian Cassar ta’ Somnio Studios, li kien ukoll responsabbli mill-produzzjoni. Il-ħoss hu mrażżan u atmosferiku, mibni fuq paċenzja u kontroll, fejn il-lirika titħalla tieħu n-nifs mingħajr ħafna effetti żejda.

“Sakemm Ġejt Int” issegwi fażi kreattiva attiva għall-grupp matul l-2025, b’diversi rilaxxi u kollaborazzjonijiet li komplew isaħħu l-preżenza tagħhom fix-xena mużikali, fosthom “F’Għajnejn Xulxin” u “Tiftakar” ma’ Federica Falzon, “Imsaħħar f’Għajnejk” ma’ Debbie Scerri, u “Hawn Għalik” ma’ Reanue Falzon Il-grupp ħa sehem ukoll f’Mużika Mużika bil-kanzunetta “Ħsibijiet”, flimkien ma’ Ema.

Il-vidjo li jakkumpanja “Sakemm Ġejt Int” ikompli jsaħħaħ din il-burdata: viżiv atmosferiku u kontemplattiv, mibni fuq moviment, kalma u preċiżjoni, li jmur id-id mat-tema tal-kanzunetta u jħalli spazju miftuħ għall-interpretazzjoni tal-udjenza.

B’dan ir-rilaxx, Kapitlu Tlettax jkomplu jikkonsolidaw direzzjoni artistika matura, onesta u konsistenti, u jiftħu kapitlu ġdid għall-2026.

“Sakemm Ġejt Int” hija disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali kollha. Id-distribuzzjoni qed titmexxa minn CAP-Sounds, filwaqt li l-promozzjoni qed issir minn Ironic PR & Artist Management.