Okamura Satoshi, Ġappuniż ta’ 31 sena, ġie kkundannat sentejn priġunerija effettiva u multa ta’ €15,000 wara li ammetta li qatel u kkawża tbatija lill-annimali, li rreżista l-arrest u li weġġa’ ħafif uffiċjali tal-Pulizija waqt l-intervent tagħhom.
Il-każ imur lura għall-1 ta’ Awwissu tas-sena li għaddiet, għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, meta Satoshi ġie nnutat fi Triq Manuel Dimech, Tas-Sliema. Uffiċjali tal-Pulizija waqqfuh biex jagħmlulu tfittxija, iżda huwa rreaġixxa b’mod aggressiv u rreżista l-arrest b’mod vjolenti.
Waqt it-tfittxija nstabu fuqu ingwanti tal-latex u ikel tal-qtates, oġġetti li kienu jikkorrispondu ma’ filmati tas-sigurtà miġbura fil-ġimgħat ta’ qabel, li fihom kien jidher joqtol qattus u juża l-ikel biex jattira qtates oħra.
Meta l-pulizija ppruvaw jieħduh fl-appartament tiegħu biex ikomplu bl-investigazzjonijiet, huwa reġa’ oppona l-arrest u kkaġuna ġrieħi ħfief lil xi uffiċjali. F’Ottubru li għadda kien diġà ngħata sentenza simili, iżda huwa appella. F’Diċembru, l-Imħallef Neville Camilleri ħassar is-sentenza u ordna li l-każ jerġa’ jinstema’, wara li osserva li l-Ewwel Qorti naqset milli tikkunsidra talba biex l-imputat jiġi eżaminat minn psikologu qabel l-għoti tas-sentenza.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Appell innutat li meta l-imputat instab ħati li darab ħafif żewġ pulizija, ma saritx referenza speċifika għall-artikolu tal-liġi li joħloq dan ir-reat, nuqqas li wassal għal nullità tas-sentenza minħabba difett ta’ formalità sostanzjali.
Meta reġgħet tat is-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi qieset l-ammissjoni bikrija tal-akkużat u l-fedina penali tiegħu. Madankollu, il-Maġistrat enfasizza li l-vjolenza kontra l-annimali u l-aggressjoni lejn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi huma reati serji li ma jistgħux jiġu minimizzati, u sostna li l-piena ma setgħetx tkun waħda fil-minimu legali minħabba n-natura tal-fatti.
Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, Satoshi ġie ordnat iħallas il-multa ta’ €15,000 f’pagamenti ta’ €1,000 fix-xahar, b’twissija li jekk jonqos milli jħallas, il-multa tiġi konvertita f’terminu ieħor ta’ priġunerija. Il-Qorti imponiet ukoll projbizzjoni fuqu milli jżomm annimali għal perjodu ta’ 40 sena, kif ukoll ordni ta’ trattament għal 18-il xahar sabiex jirċievi għajnuna psikoloġika.
Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-uffiċjali tal-Pulizija li sfaw vittmi tal-attakki tiegħu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro.
//= $special ?>

