Lokali Temp

Twissija Ħamra mis-CPD minħabba r-riħ qawwi

Ir-riħ fis-sigħat li ġejjin se jkun qed jitqawwa għal Forza 8, bil-possibbiltà ta’ buffuri Forza 10.

Għal din ir-raġuni, il-Protezzjoni Ċivili ħareġ Twissija Ħamra biex in-nies jevitaw ċertu zoni kostali.

L-awtoritajiet appellaw għal kawtela – speċjalment għall-ħaddiema li jaħdmu fil-kostruzzjoni, u anke nies li jgħixu f’lokalitajiet qrib il-baħar.

L-Uffiċċju Meterjoloġiku minn naħa tiegħu kkonferma li r-riħ qawwi mill-Punent il-Lbiċ se jdur mill-Punent Majjistru, ugradwalment ser jiżdied għal qawwa ta’ riefnu – speċjalment fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin.

It-Twissija Ħamra tħeġġeġ lill-pubbliku biex isuq b’attenzjoni fir-rotot fejn jaqbel ir-riħ, filwaqt li appellaw biex in-nies isegwu l-istruzzjonijiet u aġġornamenti li kapaċi joħorġu fis-sigħat li ġejjin.

Din ix-xita u anke t-temp instabbli se jippersistu fi tmiem il-ġimgħa, meta jkun għaddej fl-aqwa tiegħu l-programm tal-Karnival. Fil-fatt, it-tbassir tat-temp qed jindika li l-Ħadd – apparti riħ qawwi – se jkollna maltempati bir-ragħad. U x-xita se tkompli se tkompli tul il-jum tat-Tnejn.

Imbgħad, it-Tlieta, ir-riħ se jerġa’ jitqawwa għal Forza 7. Għalkemm fl-aħħar jum tal-Karnival mhix imbassra xita. Filwaqt li t-temperatura se tinżel għal 10 gradi.

Intant, bħalissa, il-Punent tal-Mediterran qed jaffaċċa l-qilla ta’ maltempata oħra – xita u riħ qawwi li qed jestendi mill-Portugall sa Franza.

Fir-Reġjun Spanjol ta’ Katalonja, l-iskejjel kellhom jinżammu magħluqa. U b’kollox hemm 16-il reġjun li jinsabu fuq allert massimu minħabba possibbiltà ta’ għargħar.

Il-maltempata ħasdet il-ħajja ta’ sewwieq ta’ trakk fi Franza, fejn ir-riħ laħħaq is-saħħa ta’ 160 kilometru fis-siegħa. L-elementi affetwaw anke s-sistema tal-provvista tal-enerġija, u mat-800,000 residenza spiċċaw bla dawl.