Lokali Qorti

Żagħżugħ mixli b’każ ta’ vjolenza domestika meta qabad sikkina u għamilha m’għonq nanntu

Żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie akkużat il-Ħamis fil-Qorti fuq allegat involviment f’każ ta’ vjolenza domestika f’residenza f’Ħal Tarxien. Il-Qorti ssemgħet kif il-pulizija ġew msejħa f’dar wara li n-nanna tiegħu rrappurtat inċident li involva lill-ġuvni, ommu u hi.

Il-ġenituri rrappurtaw li l-akkużat għandu vizzju tal-kannabis u spiss jipprovoka lill-membri tal-familja biex jikseb ammont ta’ flus. F’dan l-episodju, l-akkużat allegatament talab flus minn ommu permezz ta’ ‘video call’ wara li obbliga n-nanna tiegħu biex iċċempel lil ommu.

L-omm spjegat li kienet lestha li tagħtih il-flus, iżda kellha tgħidlu biex imur jiġborhom mill-Belt Valletta minħabba li ma setgħetx tagħmel trasferiment elettroniku f’dak il-mument. F’dan il-punt, is-sitwazzjoni eskalat.

Il-prosekuzzjoni sostniet li l-ġuvni qabad sikkina u għamilha m’għonq in-nanna tiegħu filwaqt li offenda lil ommu u n-nanna. Fost il-kliem ta’ theddid huwa qal li lest li joqtol lil nanntu. F’dak il-ħin kien preżenti tifel ta’ sitt snin. Matul it-tressiq taż-żagħżugħ, id-difiża talbet għal ‘pre-sentencing report’.

Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx, u l-Qorti approvat għal dan ir-rapport. L-akkużat baqa’ arrestat. L-akkużat kien rappreżentat mill-avukat Martina Herrera. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ippresediet fuq il-każ.