Lokali

Zrinzo Azzopardi jistenna li tittieħed azzjoni mil-Labour fil-konfront ta’ Jonathan Dingli

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qed jistenna lill-Partit Laburista jirrevedi l-pożizzjoni tal-Viċi Sindku Laburista tal-Imqabba Jonathan Dingli wara li dan iddieħak bil-mard mentali – sempliċiment biex jattakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Meta intervistat minn Net News, Zrinzo Azzopardi stqarr li wara l-kumment li għamel Dingli dwar Alex Borg huwa indika li qed jistenna azzjoni mill-Partit Laburista.

Dan imur eżatt kontra dak li qal Owen Bonnici, meta wera biċ-ċar li l-Viċi Sindku se jitħalla jerġa’ jikkontesta – u jiġġudika l-poplu fl-elezzjonijiet lokali.

Fl-aħħar jiem Jonathan Dingli reġa’ sab ruħu f’nofs kontroversja hekk kif żeffen lil dawk kollha li b’xi mod għandhom kundizzjoni ta’ saħħa mentali sabiex jipprova jirredikola lil Alex Borg.

Filfatt, fuq il-midja soċjali huwa kiteb li Alex Borg għandu “jipprepara għal ward 10” – sala f’Monte Carmeli li kienet sala ta’ tbatija.

U għalhekk, il-Ministru Zrinzo Azzopardi qed jistenna li l-partit li hu jagħmel parti minnu jirrevedi l-pożizzjoni ta’ Dinli.

B’kuntrast, il-kollega tiegħu Clifton Grima tenna ma’ Net News li ma segwiex l-aħbarijiet. U għalhekk qal li ma jistax jikkummenta dwar dan il-każ.


B’rabta ma’ dan il-kumment dispreġjattiv, sa issa la l-Viċi Sindku Laburista Jonathan Dingli u wisq anqas il-Partit Laburista u t-tmexxija tiegħu ma ppubblikaw ebda apoloġija.