Lokali

Adrian Delia jistaqsi x’viżjoni għandu l-Gvern b’rabta maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni?

“X’se jsir miċ-ċimiterji? Mill-iskejjel? Fejn se jgħixu wliedna?”

Jekk se nibqgħu ngħabbu b’aktar nies qed naqblu li se jkollna problema serja – Gvern Laburista fl-aħħar snin ibbaża ekonomija fuq il-kwantità u mhux il-kwalità mingħajr ma ħaseb fi pjan ta’ investiment infrastrutturali.

Sostna dan ix-Shadow Minister Adrian Delia waqt dibattitu fuq ix-Xandir tal-Istat mal-Ministru Clyde Caruana wara li saħansitra l-Fond Monetarju Internazzjonali enfasizza li dan il-Gvern ġab problema serja biż-żieda qawwija fil-popolazzjoni.

L-istess persuna li xpruna din iż-żieda, ċioè il-Ministru Caruana, tenna dak li issa l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq is-snin; jiġifieri li l-Gvern għandu bżonn ibiddel ir-rotta ekonomika tiegħu.

Adrian Delia insista li qed jinħoloq ċirku vizzjuż bl-isplużjoni fil-popolazzjoni.

Dan it-tkabbir mingħajr viżjoni mhux sostenibbli. U l-piż issa qed jinħass sew fuq il-Maltin u l-Għawdxin. Madanakollu għal Ministru Caruana…. din is-sitwazzjoni kienet minn dejjem.

Adrian Delia staqsa x’viżjoni għandu l-Partit Laburista u kif fi ħsiebu jħalli lil Malta lill-uliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri.

Ix-Shadow Minister ikkwota lill-Ministru Caruana stess fejn filwaqt li qed jisħaq li l-ekonomija tal-pajjiż hija suċċess, madanakollu dan qed insarrfuh bil-prezz ta’ ġensna… u li fi ftit tas-snin oħrajn… il-Malti se jkun f’minoranza f’artu stess.