Lokali

Barbaġann ieħor mill-proġett ta’ rintroduzzjoni milqut minn tir ta’ senter filwaqt li l-ispeċi għadha estinta lokalment


Ġimgħa wara li għalaq l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa, BirdLife Malta ġabret Barbaġann mid-Dwejra, Malta, b’ċurkett bl-iskrizzjoni BORP 10.0 24 014, li jorbot dan l-għasfur mal-proġett ta’ rintroduzzjoni tal-Barbaġann immexxi mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, FKNK. Il-Barbaġann instab dgħajjef ħafna u b’sieq miksura. Wara eżami veterinarju ġie ikkonfermat li kien milqut minn tir ta’ senter. Dan huwa t-tieni Barbaġann minn l-istess proġett, li spiċċa milqut minn tir ta’ senter, li nstab minn Novembru 2025 ’l hawn.
Dejta mill-Breeding Bird Atlas, ippubblikat dan l-aħħar, tikkonferma li minkejja l-isforzi ta’ rintroduzzjoni li bdew fl-2018, il-Barbaġann għadu estint lokalment, prinċipalment minħabba l-kaċċa illegali – l-istess problema li wasslet biex aktar minn 40 sena ilu, fis-snin tmenin, il-Barbaġann kien ġie estint.
Sadattant, il-proġett tal-FKNK għadu kemm kiseb is-sitt rawnd ta’ finanzjament taħt il-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi, b’total ta’ €80,000 li ngħataw tul is-snin lill-federazzjoni għal dan ix-xogħol.
Minkejja l-ambizzjoni li l-kaċċaturi jkunu involuti b’mod attiv fil-konservazzjoni, l-azzjonijiet marbuta ma’ dawn il-proġetti ma wasslux għal tnaqqis sinifikanti fil-kaċċa illegali, u baqgħu fil-biċċa l-kbira eżerċizzji ta’ relazzjonijiet pubbliċi, akkumpanjati minn silenzju kontinwu tal-federazzjoni milli tikkundanna dan laġir illegali.
“Filwaqt li l-FKNK tistinka biex tħalli wirt lill-komunità Maltija, l-uniku wirt tal-kaċċa f’Malta sal-lum kien l-estinzjoni lokali ta’ diversi għasafar li darba kienu jbejtu bħaċ-Ċawla, l-iSpanjulett, il-Bies u l-Barbaġann,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana. “Għalkemm l-Ispanjulett u l-Bies għadhom
jippruvaw ibejtu kull sena, meta jirnexxu ż-żgħar tagħhom spiss jispiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali matul l-istaġun tal-kaċċa għall-fenek.”
Minbarra li qed iżżomm speċi bħall-Barbaġann, il-Bies u l-iSpanjulett milli jbejtu, il-kaċċa illegali qed iċċaħħad lill-pubbliku mill-opportunità li jesperjenza u japprezza dawn l-ispeċi protetti fis-selvaġġ. Konservazzjoni effettiva teħtieġ infurzar b’saħħtu, responsabbiltà u impenn ġenwini biex jitħares il-wirt naturali ta’ Malta – aspetti li bħalissa huma neqsin fost l-atturi ewlenin involuti f’dawn il-proġetti.
Wara l-kura veterinarja, il-Barbaġann ingħata lura lill-FKNK.