Il-President Amerikan Donald Trump annulla deċiżjoni mill-2009 tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent li kienet ikkonkludiet li l-greenhouse gases kienu theddida għas-saħħa pubblika.
Id-deċiżjoni tal-aġenzija seħħet wara deċiżjoni mill-Qorti Suprema fl-2007 li sabet lill-greenhouse gases bħala sors ta’ tniġġis fl-arja.
Intant, id-deċiżjoni tal-aġenzija spiċċat intużat mill-gvernijiet Amerikani bħala l-bażi legali għal bosta regolamenti tal-klima.
L-annullament ta’ din id-deċiżjoni tnaqqas il-kontroll dwar il-livelli massimi tal-emmissjonijiet, u huwa mistenni li l-kontrolli fuq il-livelli massimi tal-impjanti tal-enerġija u tal-faċilitajiet taż-żejt wkoll se jiġu mnaqqsin.
Donald Trump stqarr li l-annullament huwa “l-ikbar inizjattiva ta’ tneħħija ta’ regolamenti” fl-istorja Amerikana. Skont hu, l-annullament kien meħtieġ minħabba li kawża tad-deċiżjoni tal-2009 l-industrija Amerikana tal-produzzjoni tal-vetturi “sofriet ħsara kbira” u minħabba li konsumaturi Amerikani ħassew iż-żieda fil-prezzijiet tal-karozzi.
L-Amministratur ta’ din l-aġenzija, Lee Zeldin – li kien appuntat minn Trump, – qal li d-deċiżjoni tal-2009 kienet eżempju ċar ta’ regolazzjoni estrema li ma kelliex tiġi mqiegħda f’posta.
Il-kummenti ta’ Zeldin ġabu magħhom iżjed kritika lejn l-aġenzija li diġà kienet qed taffaċċċja minn imsieħba soċjali talli allegatament qiegħda ddgħajjef il-protezzjonijiet tal-ambjent taħt l-amministrazzjoni tal-maħtur ta’ Trump Lee Zeldin.
Intant, l-eks Amministratura tal-aġenzija, Gina McCarthy, stqarret li l-aġenzija illum “tippreferi li tiddefendi l-interessi tal-industrija tal-fjuwils fossili milli tipproteġi lill-poplu” mit-tniġġis u mill-impatti tat-tibdil fil-klima.
L-eks President Barack Obama żied li l-annullament jagħmel lill-Istati Uniti pajjiż “inqas sigur u b’saħħa pubblika agħar” ħalli l-industrija “tista’ tagħmel iżjed flus”.
Dan l-annullament jiġi wara li Trump ikkampanja fuq it-tnaqqis ta’ kontrolli ambjentali u fuq il-ġlieda kontra dak li jgħid li hu l-“Green New Scam” li daħħlu il-President Demokratiku Joe Biden u l-Kungress li f’dak iż-żmien kien b’maġġoranza Demokratika.
Donald Trump jannulla deċiżjoni tal-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent dwar it-tniġġis


