Ħames żgħażagħ Maltin, ta’ bejn il-15 u t-18-il sena, minn Raħal Ġdid, is-Siġġiewi, Ħal Qormi u Wied il-Għajn, erba’ minnhom taħt l-età – tressqu l-Qorti mixlijin li sawtu żagħżugħ ta’ 14-il sena f’Tas-Sliema. Il-każ seħħ fl-aħħar jum ta’ Jannar meta żagħżugħ instab f’qagħda xejn pjaċevoli wara li ġie aggredit minn grupp ta’ żgħażagħ.
Fuq il-post kien hemm ukoll żagħżugħ ieħor ta’ 13-il sena li qal lill-Pulizija li beda jibża’ mill-grupp li kien hemm mal-vittma u għalhekk ċempel lill-akkużati. Malli waslu, allegatament inqala’ argument u l-vittma spiċċa msawwat, u aktar tard kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Fil-Qorti ntqal li l-Pulizija kisbet filmati minn kameras tas-sigurtà. Intqal ukoll li ż-żagħżugħ ta’ 13-il sena beda jiżvela l-identità ta’ wħud mill-allegati aggressuri. Meta l-Pulizija kellmet lill-akkużati fil-preżenza tal-ġenituri tagħhom, huma komplew jikxfu l-identità ta’ oħrajn li allegatament kienu involuti fl-inċident.
Il-ħames żgħażagħ ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, li ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Avukat f’isem il-familja tal-vittma qal li hemm numru ta’ xhieda minorenni oħra li allegatament ukoll sawtu lill-vittma, iżda ma jistgħux jitressqu minħabba li l-liġi ma tippermettix dan fid-dawl tal-età tagħhom.
Id-difiża sostniet li l-fedina penali tal-akkużati hija netta u żiedet li mill-mument li ġew mitkelma mill-Pulizija sal-ġurnata tal-lum, huma kienu fuq police bail. Dwar l-intraċċ ta’ provi, id-difiża qalet li fl-aħħar ġimagħtejn l-akkużati ma għamlux kuntatt mal-vittma jew max-xhieda, u għalhekk ma kien hemm l-ebda raġuni biex jinżammu taħt arrest preventiv.
Il-Maġistrat Agius Bonnici laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-ħames żgħażagħ taħt diversi kundizzjonijiet.
//= $special ?>

