F’Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar diversi kumpaniji tal-Karnival li f’dawn il-jiem se jkunu qed joffru spettaklu mill-isbaħ ta’ żfin, mużika u karrijiet.
Akkumpanjat mill-Kandidati tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Galea, Frank Anthony Tabone u Luke Said, Alex Borg faħħar il-ħidma ta’ dawn l-artisti li grazzi għad-dedikazzjoni u l-passjoni kostanti tagħhom jimmeraviljaw lil kulħadd bil-kreattività u kapaċità tagħhom.
Huwa insista li l-passjoni tagħhom għall-arti u t-tradizzjonijiet tixpruna ferħ mhux biss fost it-tfal iżda anke fost dawk kollha li għandhom għal qalbhom dawn il-jiem tal-Karnival.
Dan ix-xogħol inevitabbilment jirrikjedi ħafna sigħat ta’ sagrifiċċju sabiex il-ħidma fl-imħażen tagħti l-frott mixtieq – kollu frott il-volontarjat f’dan il-qasam, minkejja li maż-żmien anke dan jaf ikun qiegħed jonqos.
Diversi appasjonati tal-karnival fetħu qalbhom mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista għal fatt li t-temp huwa ta’ inkwiet u ta’ tħassib kbir għalihom u għal bqija tad-dillettanti tal-karnival; għaliex ċertament ma jkunux jixtiequ li wara dawk is-sigħat, ġimgħat u xhur ta’ preparazzjoni, tħejjija u sagrifiċċju ma jkunux jistgħu jgawdu xogħolhom u jaraw lill-bqija tal-folol jifirħu taħt il-karrijiet, żfin u lwien li jaf iġib miegħu biss il-perjodu tal-Karnival.
//= $special ?>
