Rapport ġdid ipoġġi lil Malta l-ewwel fl-Ewropa u t-tieni fid-dinja għall-konġestjoni tat-traffiku – il-PN jisħaq fuq pjan serju għat-traffiku f’pajjiżna; evidenti li l-bini ta’ toroq ġodda mhu jsolvi xejn u t-traffiku qed imarrad lin-nies
Għandna naspiraw biex pajjiżna jkun l-ewwel għall-kwalità tal-ħajja, u mhux għat-traffiku.
Sostna dan ix-Shadow Minister Toni Bezzina hekk kif spjega li rapport li għadu kif ħareġ juri li Malta hi l-aktar pajjiż b’konġestjoni tat-traffiku fl-Ewropa u t-tieni l-aktar fid-dinja. Pajjiżna llum qabeż saħansitra l-Indja u l-Filippini għall-konġestjoni tat-traffiku. Fil-fatt, skont l-Indiċi ta’ TomTom Traffic, pajjiżna s-sena li għaddiet kellu livell ta’ konġestjoni ta’ aktar minn 45%. Fl-Indja l-livell hu ta’ 37%, filwaqt li fil-Filippini huwa ftit inqas minn dak ta’ pajjiżna. L-uniku pajjiż fid-dinja li jgħaddina huwa l-Kolumbja.
Malta hi l-uniku pajjiż Ewropew fil-lista tal-aktar 10 pajjiżi b’konġestjoni tat-traffiku fid-dinja. Il-pajjiżi l-oħra f’din il-listi mhumiex pajjiżi Ewropej.
It-tieni l-aktar pajjiżi Ewropej b’densità ta’ traffiku huma l-Greċja u l-Irlanda, it-tnejn b’31% – ferm inqas minn Malta.
L-indiċi ta’ Malta jfisser li bħala medja, fl-2025, vjaġġ f’pajjiżna ħa darba u nofs il-ħin li suppost jieħu mingħajr traffiku, bil-Maltin ikkalkulat li qattgħu 94 siegħa – jew kważi erbat ijiem sħaħ – żejda fit-traffiku. Dan ifisser żieda ta’ erba’ sigħat fuq id-90 siegħa moħlija fit-traffiku fl-2024.
Il-Partit Nazzjonalista issa ilu s-snin jgħid li jeħtieġ soluzzjonijiet differenti għal dawk tal-Gvern Laburista. Hu evidenti li jinbnew kemm jinbnew toroq ġodda, it-traffiku qiegħed kulma jmur jiggrava, u mhux jittaffa. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ilu wkoll jimbotta għal diskussjoni serja bejn iż-żewġ partiti biex jintlaħaq ftehim dwar sistema tat-trasport tal-massa effiċjenti li tista’ tgħin biex ittaffi sew mill-problema tat-traffiku.
Din il-problema qed tħalli effetti serji fuq is-saħħa mentali u l-ħajjiet tan-nies, kif instab anke minn studji li saru tul l-aħħar snin, fosthom dak tal-Fakultà tal-Benesseri fl-Università ta’ Malta fl-2023. Riċerka oħra tal-Gvern stess li ħarġet ftit ilu bħala parti mill-Master Plan Nazzjonali għat-Trasport turi li l-konġestjoni tat-traffiku fl-2025 swiet lil Malta €770 miljun u jekk mhux se tittieħed azzjoni drastika, din l-ispiża se titla’ għal €917 miljun sas-sena 2030.
Soluzzjoni għat-traffiku tfisser aktar ħin għall-Maltin u l-Għawdxin mal-maħbubin tagħhom, inqas stress, inqas ansjetà, u inqas mard mentali u mard respiratorju, kif ukoll kwalità tal-ħajja aħjar inġenerali.
Wasal iż-żmien li l-Gvern joħroġ rasu mir-ramel u jammetti li s-soluzzjonijiet tiegħu ma solvew xejn.
Irridu nxammru l-kmiem u mil-lum naħdmu għal Malta aħjar għal għada. Jekk mhu se nbiddlu xejn, mhu se jinbidel xejn.
//= $special ?>

