Internazzjonali

Il-Ġermanja:  Il-Mexxejja fi Munich jiddiskutu s-sigurtà u l-problemi ġodda għar-relazzjonijiet transatlantiċi

Il-Mexxejja tad-Dinja, fil-preżent, qed jattendu għall-Konferenza ta’ Munich dwar is-Sigurtà fi żmien partikularment diffiċli u delikat għall-Ewropa u l-Punent….Il-Konferenza bdiet ftit tal-ħin ilu u għandha tkompli sa għada l-Ħadd – bil-Mexxejja qed jiddiskutu l-aħħar sfidi għas-sistema tal-ordni globali li ilha prattikament effettiva sa minn wara t-Tieni Gwerra.

Il-Konferenza hi fost l-aktar avvenimenti ġeopolitiċi importanti tas-sena u fejn il-Mexxejja, fuq kollox, qed jikkonċentraw fuq il-futur tal-Alleanza Transatlantika…Alleanza li nxteħtet f’dubju kbir waqt it-tieni mandat tal-President Amerikan, Donald Trump.

Ir-rwol tal-Istati Uniti bħala alleat tal-Ewropa, illum, sar dejjem aktar inċert u imċajpar, bl-organizzaturi tal-konferenza jesprimu l-inkwiet dwar il-fatt li Donald Trump, litteralment, qed ‘iżarma r-regoli u l-istituzzjonijiet internazzjonali li eżistew għal daqstnt żmien.’

Il-messaġġ ta’ qabel is-summit kien li dejjem aktar Ewropej qed jemmnu li l-Istati Uniti saret irrikonoxxibbli mill-Alleat potenti u demokratiku li kienu jafu għal għexieren ta’ snin…Dan meta huma, issa, qed isegwu l-iżviluppi minn Washington b’sens akbar ta’ ansjetà.

Min-naħa tiegħu, Wolfgang Ischinger, iċ-Chairman tal-Konferenza dwar is-Sigurtà, qal li dan kollu qed jaffettwa sew is-sens ta’ fiduċja li l-Ewropa darba kellha fl-Istati Uniti. Hu, hawnhekk, irrefera għall-kwistjoni ta’ Greenland – li l-Istati Uniti trid tieħu l-kontroll tagħha akkost ta’ kollox minkejja li l-gżira tifforma parti mir-Renju tad-Danimarka.

Madankollu, Ischinger xorta laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Uniti bagħtet delegazzjoni ‘daqstant kbira u influwenti’ fi Munich…Delegazzjoni li qed titmexxa mis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, li għandu jindirizza lill-Konferenza proprju għada, is-Sibt.

F’dawn il-jiem għandu jispikka wkoll il-messaġġ li l-partnership transatlantiku – jiġifieri r-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti – jeħtieġ kontinent tal-Ewropa aktar b’saħħtu. Dan fost it-twissija li l-Ewropa jirnexxilha tissaħħaħ biss jekk kemm-il darba l-Istati jikkonsolidaw l-għaqda u sens akbar ta’ unjoni bl-aktar mod determinat u impenjattiv.

Sadanittant, il-Konferenza ta’ Munich għandha tikkonċentra wkoll fuq l-isforzi lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna li tagħlaq erba’ snin fl-24 ta’ Frar. Mistenni, imbagħad,  li l-kriżi mal-Iran tispikka wkoll fuq l-aġenda tat-taħditiet matul is-sigħat li ġejjin.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ukoll qed jipparteċipa fis-summit, fejn insista biex isir progress fl-inizjattivi għall-paċi…Messaġġ li hu qed iwassal ftit jiem biss wara li ddikjara li r-Russja qed ‘titnikker’ fl-impenji dovuti minnha biex twaqqaf  il-gwerra – u meta l-qawwiet ta’ Vladimir Putin qegħdin ikomplu jattakkaw il-faċilitajiet tal-Ukreni għall-ġenerazzjoni tal-enerġija waqt l-eqqel tax-xitwa.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Friedrich Merz, qal, intant, li din il-Konferenza għandha titqies bħala barometru għar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti,  kif ukoll bħala analiżi tal-hekk-imsejjaħ World Order.

U l-iżviluppi tal-Konferenza huma ferm mistennija, bl-Ewropej jiftakru fid-diskors xokkanti tas-sena l-oħra li l-Viċi-President Amerikan, JD Vance, kien għamel fi Munich…Diskors fejn Vance issuġġerixxa li ‘il-vera għadu għall-Kontinent tal-Ewropa ġej minn ġewwa u mhux min-naħa tar-Russja’ …Diskors li fih Vance irrefera għall-immigrazzjoni tal-massa bħala ‘waħda mir-raġunijiet għalfejn l-Ewropa qed titlef mir-relevanza.’