Lokali

Il-pazjenti jkomplu jħallsu qares għan-nuqqas ta’ ppjanar tal-Gvern fis-saħħa

  • L-isplużjoni fil-prezzijiet tal-mediċini tkompli tgħakkes lil min hu l-aktar vulnerabbli; uħud mill-prezzijiet splodew bit-tripplu
  • Iż-żidiet isegwu dawk fil-prezzijiet tal-ħalib, tal-ikel, tal-miżati tas-servizzi finanzjarji u tat-tariffi għar-rimi tal-iskart
  • Bis-saħħa tal-pressjoni tal-Oppożizzjoni wara li ħalla l-istocks jiskadu, il-Gvern issa se jagħti l-PrEP b’xejn; tant qabdu paniku li ħareġ direct order
  • Il-PN jerġa’ jappella biex it-trattament tal-kanċer jitpoġġa fuq il-formularju tal-gvern biex ħadd ma jkollu għalfejn jittallab għall-kura
  • Studji riċenti juru l-piż qawwi li qed jerfgħu l-Maltin fl-ammont ta’ flus li joħorġu għall-mediċini, u anke fl-ispiża għall-kura tal-kanċer


Jibqgħu jkunu l-pazjenti u dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà li qed iħallsu l-aktar qares għan-nuqqas ta’ ppjanar u investiment serju tal-Gvern fejn tidħol is-saħħa tagħna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Ministers Stephen Spiteri, Ian Vassallo, Graziella Galea u Graziella Attard Previ tkellmu dwar id-diversi nuqqasijiet li ħarġu fil-beraħ fl-aħħar ġimgħat b’rabta mal-qasam tas-saħħa, u li qed jeffettwaw lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin, fosthom iż-żidiet fil-prezzijiet ta’ aktar minn 100 mediċina li qed ikollhom effett fuq l-għoli tal-ħajja.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri spjega kif fil-jiem li għaddew poġġa fuq il-mejda tal-Parlament dokument li juri kif għexieren ta’ mediċini għolew fil-prezz fl-aħħar ġimgħat, bi wħud minnhom splodew sa anke t-tripplu tal-prezz oriġinali. Iż-żidiet ivarjaw minn ftit ċenteżmi għal għexieren ta’ ewro, minn żidiet ta’ 2% għal żidiet fenomenali li jlaħħqu l-200%. Il-maġġoranza tal-mediċini huma komuni u lanqas il-Gvern stess ma ċaħad dawn iż-żidiet, bl-unika skuża li ġab kienet li wħud mill-prodotti li żdiedu fil-prezz u li jinbiegħu mill-ispiżeriji mhumiex klassifikati bħala mediċini. Dan mhu tal-ebda konsolazzjoni għal min dawn il-prodotti jrid jixtrihom għall-kura tiegħu.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa qal li minkejja dawn iż-żidiet għadu lanqas beda jinħass l-effett taż-żidiet fit-tariffi tar-reġistrazzjoni tal-mediċini li daħħal il-Gvern inkiss inkiss u mingħajr konsultazzjoni ma’ ħadd wara l-budget, liema miżati għad iridu jgħollu aktar il-prezz tal-mediċini. Hemm ir-riskju li dawn iż-żidiet iwasslu biex mediċini li jiswew ħafna u li jintużaw minn ftit nies tant jogħlew li ma jibqgħux jiġu impurtati f’Malta, bir-riżultat li dawk li għandhom bżonnhom jibqgħu b’xejn.

Hu qal li l-mediċini mhumiex kapriċċ imma huma xi ħaġa essenzjali għas-saħħa tan-nies u hemm bżonn politika responsabbli u azzjonijiet immedjati li jikontrollaw il-prezzijiet. Fakkar ukoll li dawn iż-żidiet qed iġibu fix-xejn kwalunkwe żieda li tingħata fil-COLA jew fil-pensjoni. Stephen Spiteri qal li hemm bżonn li l-Gvern jieħu azzjoni serja biex iħares lil dawk l-aktar vulernabbli mill-piżijiet li qed jispiċċaw ikollhom iġorru.

Ix-Shadow Minister għall-Kura Preventiva u Primarja Ian Vassallo tkellem dwar kif bosta anzjani u persuni vulnerabbli qed ikollhom jagħmlu għażla bejn il-mediċini u affarijiet oħra b’impatt fuq il-livell tal-għajxien tagħhom. Dawn iż-żidiet qed jeffettwaw ukoll il-kura primarja ta’ diversi pazjenti kif ukoll il-kura preventiva li tħares is-saħħa tan-nies bir-riżultat li hemm min qed jispiċċa b’kundizzjonijiet li jiggravaw.

Ian Vassallo saħaq ukoll li huwa inaċċettabbli li l-pazjenti tal-kanċer għadhom qed ikollhom imorru jittallbu għall-mediċini tal-kanċer għand il-Malta Community Chest Fund u qal li Gvern Nazzjonalista jpoġġi t-trattament tal-kanċer fuq il-formularju tal-gvern biex il-pazjenti jkollhom aċċess għalih bi dritt. Irrefera għat-tagħrif li ħareġ ftit ilu mill-Parlament Ewropew, u li juri kif fil-każ ta’ pazjenti Maltin tal-kanċer, il-Gvern Malti jkopri biss 16% tal-ispejjeż tal-mediċini għall-kanċer, meta mqabbel ma’ 100% f’pajjiżi oħra. Din hija bil-bosta l-inqas rata fl-Ewropa.

Fakkar ukoll kif il-Partit Nazzjonalista dejjem poġġa lill-pazjenti tal-kanċer fuq quddiem, u wettaq l-akbar investiment li qatt sar f’pajjiżna għal dan il-qasam – il-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Fakkar ukoll kif kien grazzi għall-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista li llum il-pazjenti qed jirċievu t-trattament tal-kimoterapija fid-djar tagħhom u qal li l-mediċini għal din il-marda għandhom ikunu disponibbli fuq il-formularju mill-aktar fis.

In-nuqqas ta’ serjetà ta’ kif dan il-Gvern jittratta s-saħħa tan-nies hu evidenti wkoll mill-kriżi li nqalgħet fil-bidu tas-sena b’rabta mal-PrEP – mediċina kruċjali għall-ħarsien tas-saħħa sesswali li tintuża biex tnaqqas b’mod sinifikanti t-tixrid tal-HIV.  Ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku Graziella Attard Previ fakkret kif il-Gvern Laburista ilu snin iwiegħed li se jipprovdi din il-mediċina, imma wara li b’mod irresponsabbli ħalla l-istock eżistenti tal-mediċina jiskadi, dawk li jieħdu l-PrEP spiċċaw b’xejn u lanqas setgħu jixtruha minn spiżeriji lokali. Fil-fatt bosta spiċċaw kellhom ifittxu din il-mediċina online.

Wara li saret pressjoni mill-Oppożizzjoni u minn diversi NGOs, il-Gvern ħareġ stqarrija biex iħabbar li se jintroduċi l-PrEP u l-PEP b’xejn kif kien wiegħed fil-manifest elettorali tal-2022 u anke fl-Istrateġija dwar is-Saħħa Sesswali. Il-Ministru Jo Etienne Abela tant qabdu paniku li l-għada li ħarġet l-istorja twissi li l-istocks kienu se jiskadu fl-aħħar ta’ Jannar mingħajr l-ebda indikazzjoni dwar meta se tasal konsenja ġdida, b’għaġla kbira biex jidher li qed jieħu xi tip ta’ azzjoni, qabad u ħareġ direct order biex tiġi akkwistata din il-mediċina. Ċertifikat tan-nuqqas ta’ ppjanar joħroġ ukoll mil-fatt li fil-Budget 2026 ma kienx hemm lanqas allokazzjoni ta’ fondi għal dan il-għan.

Graziella Attard Previ fakkret kif il-PN kien l-ewwel partit politiku f’Malta li sejjaħ biex il-PrEP u l-PEP jitpoġġew fuq il-formularju nazzjonali, u fid-dawl tal-fatt li Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ trażmissjoni tal-HIV fl-Ewropa, Gvern ġdid Nazzjonalista jmur oltre minn dan. Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern isaħħaħ il-miżuri ta’ prevenzjoni, inkluż billi jikkunsidra bis-serjetà għodod innovattivi bħad-Doxy PEP u d-Doxy PrEP bħala parti minn strateġija moderna u komprensiva għas-saħħa sesswali f’Malta.

Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea fakkret kif dawn iż-żidiet fil-prezzijiet tal-mediċini qed ikomplu jgħollu l-ħajja għax isegwu diversi żidiet oħra li kellna fuq affarijiet essenzjali għall-konsumaturi, bħalma kienu dawk fil-prezzijiet tal-ikel u l-ħalib. Dan apparti ż-żidiet fit-tariffi tal-qasam finanzjarju li jolqtu servizzi bankarji, assigurazzjonijiet u servizzi intermedjarji kif ukoll kumpaniji li jipprovdu skemi ta’ pensjonijiet u operaturi tal-crypto-assets. Fl-aħħar ġimgħat iddaħħlu wkoll żidiet fil-gate fees għar-rimi tal-iskart fil-faċilitajiet tal-Wasteserv, anke jekk serrħulna rasna li dawn mhux se jeffettwaw lill-pubbliku, qalet Graziella Galea.

Hi qalet li l-piżijiet li qed iħallu l-bosta żidiet fil-prezzijiet ta’ diversi oġġetti u servizzi fuq il-konsumaturi huma reali u tat-tħassib u jolqtu l-aktar lill-anzjani, dawk bi dħul baxx jew medju, u l-vulnerabbli. Waqt li fakkret kif dawn iż-żidiet li sab ma’ wiċċu l-konsumatur fl-aħħar xhur ma kienu mħabbra fl-ebda budget. Diversi familji qed ikollhom inaqqsu n-nefqa fuq affarijiet bażiċi biex jixtru l-mediċina, qalet Graziella Galea, waqt li kompliet li dan mhux dak li kien wiegħed il-Partit Laburista mill-oppożizzjoni. Dakinhar il-Partit Laburista kien iwiegħed li jispiċċaw il-mediċini out-of-stock, anzi li l-mediċini b’xejn iwassalhomlok wara l-bieb. Mhux talli mhumiex jaslu wara l-bieb, imma talli lanqas għand l-ispiżerija mhuma qed jaslu.

Graziella Galea għamlet referenza għal stħarriġ riċenti li wera kif il-Maltin huma fost l-aktar li joħorġu flus fuq mediċini fl-UE. Fl-2023 in-nefqa fuq mediċini f’Malta laħħqet it-18% tan-nefqa totali fuq is-saħħa, ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 13%. Dan ifisser li l-familji Maltin qed iġorru piż sproporzjonat mill-ispejjeż tas-saħħa. Fuq bażi ta’ nefqa għal kull persuna, l-infiq fuq mediċini kien jammonta għal €648, it-tieni l-ogħla fl-Unjoni Ewropea wara l-Ġermanja.