Lokali

Il-PN jappella għal trasparenza sħiħa fuq l-Istudju dwar il-Carrying Capacity ta’ Kemmuna

Il-Labour juża l-iskuża tal-“kunfidenzjalità tal-Kabinett” biex jimblokka l-kontabbiltà pubblika

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern Laburista biex jippubblika immedjatament l-Istudju sħiħ dwar il-Carrying Capacity għal Kemmuna wara li x-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg żvelat fil-Parlament informazzjoni li turi kif l-istudju qed jinżamm moħbi mill-pubbliku bl-iskuża ta’ “kunfidenzjalità tal-Kabinett”.

Dan l-istudju jaffettwa direttament il-mod kif jitmexxa wieħed mis-siti Natura 2000 l-aktar sensittivi f’Malta u hu maħsub biex jiżgura sostenibbiltà fl-għadd ta’ viżitaturi jżuru din il-gżira. Madanakollu, qed jiġi trattat bħallikieku kien dokument intern tal-Kabinett, minkejja l-interess pubbliku ċar u l-implikazzjonijiet ambjentali tiegħu.

Il-Pjan tal-Immaniġġjar għas-sit Natura 2000 “Kemmuna u l-Gżejjer ta’ Madwarha” (SAC/SPA) jistipula li għandha ssir valutazzjoni tal-carrying capacity tal-Blue Lagoon fi żmien sena mill-implimentazzjoni tal-pjan, kif ukoll li r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minnu għandhom jiġu implimentati u ssorveljati. Dan ifisser li l-istudju hu parti mill-obbligi tal-Istat taħt il-governanza ambjentali tal-UE u ma jistax jiġi trattat bħala dokument intern.

Wara talbiet ripetuti taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, li jmorru lura sal-2023, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irrifjutat li tiżvela l-istudju billi wieġbet li hu “privileġġjat” għax hu dokument tal-Kabinett. Tressqu wkoll diversi Mistoqsijiet Parlamentari mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista, xi wħud sa mill-2022, iżda l-membri tal-Gvern evitaw b’mod konsistenti li jippubblikaw l-istudju u d-dokumentazzjoni relatata. Informazzjoni pubblika tindika wkoll li kumpanija privata kienet ikkummissjonata biex twettaq l-istudju, inklużi valutazzjonijiet ta’ tliet zoni oħra f’Kemmuna u anke li tressqu rakkomandazzjonijiet.

Evidenza li tressqet matul il-proċess turi li kien biss wara li l-ERA ġiet infurmata li t-tweġiba tagħha ma kinitx biżżejjed li l-Awtorità pproduċiet email tal-2024 mis-Segretarju tal-Kabinett li tiddikjara li l-istudju sar għall-Kabinett u għalhekk għandu jiġi trattat bħala intern.

Aktar tħassib li joħroġ mill-istess korrispondenza hu dwar il-fatt li l-Ministeru għall-Ambjent ma ngħatax kopja tad-deċiżjoni tal-Kabinett, minkejja li l-ERA kienet l-entità li kkummissjonat l-istudju, kif ukoll li l-email kienet iddikjarata li kienet maħsuba biss biex tintuża internament b’mod limitat. Anke jekk imbagħad kellha titressaq bħala evidenza quddiem it-Tribunal Ambjentali.

Fil-15 ta’ Jannar li għadda, it-Tribunal iddeċieda favur l-ERA u l-każ issa eskala għall-appell, inkluż b’talba għal referenza preliminari lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tinkiseb ċarezza dwar il-kwistjoni.

Ilna niġu mwiegħda li Kemmuna se tingħata protezzjoni ambjentali ta’ veru biex il-pubbliku kollu jkun jista’ jgawdi l-ġmiel tagħha mingħajr ma tkun mgħobbija żżejjed jew degradata. Madanakollu, sena wara sena, dawn il-wegħdiet jinkisru. Issa rġajna qed naraw kif il-konċessjonijiet eżistenti se jibqgħu hemm għal sajf ieħor, minkejja li l-Ministru kien qal li dawn se jiġu indirizzati. Dan kollu jagħmel aktar urġenti l-ħtieġa tat-trasparenza: il-pubbliku jixraqlu jara l-Istudju tal-Carrying Capacity u d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu f’ismu.

Il-Partit Nazzjonalista hu partikolarment allarmat minħabba l-preċedent li dan joħloq. Jekk il-Gvern Laburista qed jikkwalifika studju ambjentali kruċjali bħala dokument tal-Kabinett, allura kull dokument li l-pubbliku għandu d-dritt jara jista’ jinżamm moħbi bl-istess mod, sempliċiment billi jgħaddih mill-istrutturi tal-Kabinett.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li din mhijiex kwistjoni teknika, iżda kwistjoni ta’ governanza miftuħa. Li din l-informazzjoni tinżamm moħbija jnaqqas mill-fiduċja, iservi ta’ ostaklu għal dibattitu pubbliku infurmat u jdgħajjef il-governanza ambjentali. Il-PN jerġa’ jtenni s-sejħa tiegħu lill-Gvern biex jieqaf jinħeba wara s-segretezza u l-iskuża tal-kunfidenzjalità u jippubblika l-istudju u d-dokumentazzjoni kollha relatata fl-interess pubbliku.