Lokali Qorti

Il-Qorti ssib lill-Awtorità tal-Ippjanar aġixxiet b’mod “arbitrarju”: Tħassar il-permessi ta’ kumpless ta’ 10 sulari fis-Swieqi

Il-permessi biex il-lukanda preċedenti Halland fis-Swieqi tinbidel f’kumpless residenzjali ta’ 10 sulari – li diġà nbena parzjalment – ġew revokati mill-Qorti tal-Appell. Id-deċiżjoni ngħatat il-Ġimgħa wara li l-Qorti tal-Appell sabet li l-Awtorità tal-Ippjanar u t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar aġixxew b’mod “arbitrarju”.

Il-każ kien tressaq mill- Kunsill Lokali tas-Swieqi, Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, Tal-Ibraġġ Complex Association u Joseph Cachia Fearne kontra l-Awtorità tal-Ippjanar u Raymond Fenech. Il-Qorti qalet li l-awtoritajiet applikaw policy waħda għas-sit filwaqt li injoraw oħra li kienet tapplika bl-istess mod. L-istruttura nofs mibnija tinsab f’Tal-Ibraġġ, tħares fuq Wied Għomor.

Halland Developments Ltd, li tifforma parti mill-Tumas Group, kienet ingħatat permess biex tissostitwixxi l-lukanda lejn l-aħħar tal-2018. Il-kumpanija aktar tard ressqet applikazzjoni oħra biex temenda l-permess oriġinali, li wkoll ġiet approvata fl-2022. Sadanittant, grupp ta’ residenti appellaw iż-żewġ permessi quddiem it-Tribunal, iżda tilfu ż-żewġ każijiet fis-17 ta’ Lulju 2025.

Sussegwentement, il-Kunsilli Lokali tas-Swieqi u ta’ San Ġwann, il-perit Joe Cachia Fearne u t-Tal-Ibraġġ Complex Association appellaw mid-deċiżjoni tat-Tribunal dwar l-ewwel permess fl-4 ta’ Awwissu 2025. Cachia Fearne u l-assoċjazzjoni ressqu wkoll appell separat dwar it-tieni permess fl-istess data.

Mapep kontradittorji

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti nnutat li s-sit huwa kopert minn żewġ mapep ta’ policy li jikkontradixxu lil xulxin: il-Mappa SW2, li tillimita l-iżvilupp għal djar separati jew semi-separati b’għoli massimu ta’ żewġ sulari, u l-Mappa SW4, li tgħid li l-iżviluppi għandhom iżommu l-għoli tal-bini eżistenti.

Il-lukanda kienet għolja 25.69 metru, ferm aktar mil-limitu ta’ żewġ sulari. Skont il-Qorti, kemm l-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll it-Tribunal iffukaw fuq il-policy tal-aħħar biex jiġġustifikaw l-għoti tal-permess, filwaqt li warrbu l-ewwel policy.

Dan, qalet il-Qorti, ħoloq “sitwazzjoni estremament anomala”, peress li l-Awtorità għażlet li ssegwi policy li taqbel mal-applikazzjoni u injorat il-limitazzjoni ta’ żewġ sulari. Il-Qorti enfasizzat li l-policies ma jistgħux jintużaw b’mod selettiv jew ad hoc.

“Eżerċizzju bħal dan huwa ta’ natura arbitrarja u ma jidhirx li twettaq skont ir-rekwiżiti tal-liġi tal-ippjanar,” qalet il-Qorti. Hija żiedet li dan kien każ fejn l-awtorità għażlet bejn policies li bla dubju kienu japplikaw bl-istess mod għall-każ, bil-konsegwenza li d-deċiżjoni inevitabbilment kisret uħud mill-policies applikabbli.

Biex tkun konformi mal-liġi, l-Awtorità kellha ssolvi l-kunflitt bejn il-policies fil-qafas tal-pjani lokali, u mhux tagħżel waħda fuq oħra, sostniet il-Qorti. Għaldaqstant, il-Qorti revokat il-permess prinċipali għall-bini tal-blokk residenzjali. Fl-istess jum, f’sentenza oħra, iddeċidiet li wkoll jiġi revokat it-tieni permess fuq l-istess raġunament.