Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia ikkundannat lill-koppja Nicky Falzon ta’ 27 sena residenti l-Mellieħa u lil Daniela Spiteri ta’ 43 sena, residenti San Ġiljan – ħames snin ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja ta’ żewġ każi ta’ serq li seħħew fis-16 ta’ Settembru 2025 f’Ta’ Xbiex, kif ukoll tal-akkuża li kienu jgħixu ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ.
Spiteri nstabet ħatja wkoll li hi reċidiva, filwaqt li Falzon instab reċidiv limitatament għal ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi. Il-każ beda meta għall-ħabta tal-4.15pm meta mara ċemplet lill-Pulizija tas-Sliema biex tirrapporta li basket kien insteraq mill-karozza tagħha li kienet ipparkjata fil-parkeġġ tal-marina ta’ Ta’ Xbiex.
Hija spjegat li kienet marret tgħum u meta telgħet ma sabitx il-basket li kien fih il-mobile u ċ-ċwievet tal-karozza. Aktar tard instab li wkoll basket ieħor li kien fuq is-seat tal-vettura kien sparixxa. Il-Pulizija rrevedew filmati tas-CCTV tal-Creek Marina u nnutaw żewġ persuni, mara u raġel, jidħlu fil-vettura.
Għalkemm l-uċuħ ma kinux identifikabbli, il-ħwejjeġ kienu jaqblu ma’ dawk li kellhom l-imputati meta ġew arrestati ftit tal-ħin wara qrib Ġnien l-Indipendenza tas-Sliema. Fil-pussess ta’ Spiteri nstab il-mobile Samsung tal-vittma, flimkien mal-cover u nuċċalijiet tax-xemx tagħha.
Il-Qorti applikat il-prinċipju tal-“recent possession”, jiġifieri li meta persuna tinstab fil-pussess ta’ oġġetti misruqa ftit wara li jkun seħħ is-serq u ma tagħtix spjegazzjoni kredibbli, jista’ jiġi inferit li kienet involuta fir-reat. Il-Qorti qieset li l-provi ċirkostanzjali kienu konvinċenti u jwasslu għal konklużjoni waħda biss.
Fir-rigward tal-valur, il-Qorti stmat li l-oġġetti misruqa, fosthom nuċċali tal-vista u mobile, kellhom valur ta’ madwar €300, li jaqbeż il-limitu minimu biex is-serq jiġi kkwalifikat bil-valur. Ġie wkoll stabbilit li l-vettura nfetħet biċ-ċavetta li kienet insterqet mill-ewwel basket.
Dwar l-akkuża ta’ ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ, il-Qorti nnutat li ż-żewġ imputati kienu ilhom snin mingħajr impjieg u ma ressqu l-ebda prova ta’ mezzi leġittimi ta’ għajxien. Il-Qorti qieset li din l-akkuża wkoll ġiet ippruvata.
Fil-kunsiderazzjonijiet dwar il-piena, il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-fedina penali taż-żewġ imputati. Spiteri għandha 12-il kundanna, l-aktar relatati ma’ serq, u kienet diġà kisret ordnijiet ta’ probation fil-passat. Falzon għandu tliet kundanni preċedenti relatati ma’ traffikar u pussess ta’ droga.
Għaldaqstant, il-Qorti kkundannat lil Nicky Falzon sentejn ħabs u lil Daniela Spiteri tliet snin ħabs, bi tnaqqis taż-żmien li diġà qattgħu taħt arrest preventiv relatat ma’ dawn il-proċeduri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Charlon Borg.
//= $special ?>

