Austin Mallia ta’ 40 sena, li qed jiġi ġġudikat quddiem ġurija ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, mixli b’assoċjazzjoni fit-traffikar tal-cannabis u pussess aggravat, akkużi li qed jiċħad, qal fil-Qorti li hu kien mingħalih li qed jittrasporta ‘appliances’ u mhux droga. Hekk kif kienet iffurmata l-ġurija Mallia kien ammetta pussess ta’ kokaina, imma qed jiċħad bil-qawwa kollha li ttraffika d-droga cannabis.
Huwa qed jaffaċċja żewġ kapi ta’ akkuża, liema akkużi jinkludu il-pussess aggravat tad-droga cannabis u l-assoċjazzjoni għat-traffikar tad-droga Cannabis. L-Avukat Ġenerali qed jitlob li jekk Mallia jinstab ħati, jiġi kkundannat piena ta’ priġunerija għal għomru.
Il-prosekuzzjoni qed takkuża lill-Austin Mallia, illi tmien snin ilu iddeċieda illi jassoċja ruħu ma’ persuni oħra bil-għan illi tiġi mportata d-droga kannabis f’Malta, għal skop ta’ traffikar. Mill-eżamijiet ulterjuri li saru mill-espert tal-Qorti fuq is-sustanza, irriżulta li l-imsemmija pakketti kienu ħaxixa tal-kannabis fl-ammont ta’ madwar 53 kilogramma bil-purita’ ta’ ċirka 11%.
Wara li l-prosekuzzjoni għalqet il-każ tagħha, l-avukat difensur Joe Giglio ħabbar li Mallia kien se jixhed. Quddiem il-ġurati, Mallia sostna kemm il-darba li hu kien jemmen li kien qed jittrasporta ‘appliances’ u mhux droga.
Mallia qal li kien jaħdem bħala chef għal 27 sena u, fi żmien l-arrest tiegħu f’Marzu 2018, kien qed jaħdem f’lukanda. Dak iż-żmien kien miżżewweġ u kien qed jirranġa flat fil-Gżira, filwaqt li kien jgħix ma’ familtu f’Santa Venera.
Huwa ltaqa’ ma’ l-Isqalli Michele Artale, li kien jaħdem bħala pizzaiolo u kien taħt sorveljanza tal-pulizija. Skont Mallia, hu kien xi drabi jgħin lil ħuh jittrasporta oġġetti u xi drabi kien jaċċetta €50 għal kull vjaġġ billi juża t-trakk ta’ missieru.
Mallia qal li kien jara lil Artale fil-Lija Boċċi Club u kien jissuspetta li kien juża l-kokaina. Huwa ammetta li kien xtara gramma kokaina mingħandu. Fit-22 ta’ Marzu 2018, Artale staqsieh jekk it-trakk kienx disponibbli. Mallia qal li kien mitlub iċċaqlaq freezer u jiġbor kaxxi minn maħżen f’Ta’ Qali, qabel imur Buġibba u l-Ħamrun. Kellu jakkumpanjah ħabib ta’ Artale, ċertu Sandro Lo Presti.
Fil-maħżen, Mallia qal li ġabar shipment bl-isem “Cambio Stile”. Meta Lo Presti beda jgħabbi l-kaxxi fil-karozza żgħira tiegħu, Mallia qal li dan ma kien jagħmilx sens meta kien hemm it-trakk disponibbli. Il-ġurati raw filmati CCTV tal-maħżen. Mallia qal: “Kieku kont naf x’hemm fil-kaxxi, kont inwaħħalhom fuq is-saqaf tal-karozza tiegħu anke bit-tape.”
Hu sostna li kien se jitħallas €50, iżda ma tħallasx għax ġew arrestati. Meta waslu l-Ħamrun u kienu qed idaħħlu t-tielet kaxxa, raġel armat daħal jgħajjat u Mallia ġie mbuttat mal-art. Hu qal li kien taħt xokk u li beda jibki, jaħseb fil-familja tiegħu.
Hu sostna li qal lill-pulizija li r-rwol tiegħu kien biss li jittrasporta oġġetti minn punt A għal punt B. Qal ukoll li ta lill-pulizija aċċess għall-mobajl tiegħu u wera messaġġi ma’ Artale. Mallia rrifjuta assistenza legali meta ġie informat bid-drittijiet tiegħu, għax ħaseb li kien se jinżamm 48 siegħa u jinħeles.
L-għada, meta tressaq il-Qorti, ngħata avukat tal-għajnuna legali li tah parir ma jwieġeb xejn u jiċħad l-involviment tiegħu. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini u Danika Vella ikkontestat ix-xhieda tiegħu, speċjalment dwar il-brejkijiet difettużi tat-trakk u telefonati minn numru li ma rrikonoxxiex.
Mallia insista li sab il-pads tal-brejkijiet fit-triq wara li sema’ ħoss ta’ ħadid jaqa’. Dwar it-telefonati, qal li ma kienx jaf ta’ min kien in-numru u saħansitra ssuġġerixxa li missieru seta’ kien qed jittrasporta l-oġġetti. Il-proċess quddiem il-ġurija li riesaq lejn tmiemu għandu jkompli bid-difiża tkompli l-każ tagħha.
//= $special ?>

