L-Assoċjazzjoni tal-Bdoti qed tistaqsi jekk it-tir f’moħħ il-Ministru Clyde Caruana mill-bidu tal-ftehim kienx li jimpjega mal-linja tal-ajru nazzjonali l-ġdida KM Airlines aktar barranin milli jiffoka fuq it-talent Malti.
Dan hekk kif fi stqarrija, il-Ġimgħa waranofsinhar l-ALPA wieġbet għal dak li qal il-Ministru Caruana fil-Parlament, ċioè li mhux se jiċċaqlaq pulzier mill-ftehim li għamel mal-bdoti lura fl-2024.
L-ALPA insistiet li qed tippreżenta pjan fejn tinċentiva r-reklutaġġ ta’ aktar Maltin f’dan il-qasam partikolarment għal progress ta’ First Officers Maltin. L-Assoċjazzjoni insistiet li l-proposti tagħha jagħtu aktar sostenn għal impjieg lokali, madanakollu l-ALPA kompliet tgħid li l-Ministru jidher deċiż li jinjora tali proposti.
Għalhekk staqsiet jekk l-intenzjoni tiegħu kinitx mill-bidu biex jiffavorixxi l-barrani fuq il-Malti, hekk kif staqsew jekk il-Ministru verament jemminx li ż-żgħażagħ Maltin m’humiex kapaċi jkunu Kaptani f’din il-linja tal-ajru.
L-ALPA speċifikat li sa issa KM Malta Airlines ma impjegawx bdoti barranin iżda insistiet li se tibqa’ kommessa biex jissoktaw id-diskussjonijiet mal-Gvern u t-tmexxija tal-linja tal-ajru sabiex l-istorja ta’ KM Malta Airlines tkun ta’ suċċess.
Intant, l-ALPA kkundannat id-diskors ta’ Clyde Caruana fejn irrefera għalihom u għal membri bħala tfal. Ġie mfakkar li l-membri huma nies rispettati bil-kbir fil-qasam tal-avjazzjoni u li għandhom snin twal ta’ esperjenza jirrappreżentaw lil Malta b’responsabbiltà biex jissalvagwardjaw ħajjet il-mijiet ta’ eluf ta’ passiġġieri.
//= $special ?>

