Internazzjonali

“L-ordni internazzjonali bbażata fuq in-normi u r-regoli m’għadhiex teżisti” – il-Kanċillier Ġermaniż Merz

Fid-diskors tiegħu fil-Munich Security Conference, il-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz stqarr li l-ordni internazzjonali bbażata fuq in-normi u r-regoli “m’għadhiex teżisti”.

Hu żied li f’era ta’ poteri kbar, il-libertà tal-Ewropej m’għadux garantit. Skont hu, r-riżorsi naturali, it-teknoloġija, u s-supply chains qed isiru bargaining tools f’zero-sum game – iġifieri f’dinja fejn biex jirbaħ xi ħadd irid jitlef ħaddieħor. Waqt li qal li din hija strateġija perikoluża għall-pajjiżi ż-żgħar, hu wissa li eventwalment tista’ tkun perikoluża għall-poteri l-kbar ukoll.

Merz ukoll tkellem fuq ir-relazzjoni transatlantika. Waqt li ammetta li anke hu għandu ċertu dubji fuq ir-relazzjoni illum, hu sostna li dawk li jixtiequ jisseparaw mill-Istati Uniti qed jinjoraw il-potenzjal li għandha r-relazzjoni “minkejja d-diffikultajiet”.

Intant, Merz kien ċar bid-dikjarazzjoni tiegħu li l-Ġermanja ma temminx fit-tariffi u fil-protezzjoniżmu iżda temmen fil-kummerċ ħieles. Emfasizza li l-Ġermanja “iżżomm mal-ftehim tal-klima u mal-World Health Organization” għax huma konvinti li sfidi globali jistgħu biss ikunu solvuti flimkien. Dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ Merz intlaqgħu b’applaws kbir.

Kompla billi jgħid li l-Istati Uniti waħedha se tispiċċa tilħaq il-limiti tal-poter tagħha jekk tkompli timxi ‘l quddiem waħedha.

Il-Kanċillier Ġermaniż appella biex l-Unjoni Ewropea ssir attur reali fl-arena globali b’policy għas-sigurtà tagħha. Hu fakkar li fl-Artiklu 42 tat-Trattat Fuq l-Unjoni Ewropea l-pajjiżi membri tal-UE kkommettew biex jipprovdu assistenza reċiproka f’każ t’attakk u allura “għandna niddeċiedu kif għandna norganizzaw dan fuq livell Ewropew”.

Minkejja dan, hu ċċara li ma jixtieqx jissostitwixxi lin-NATO però jixtieq jibni pilastru b’saħħtu fi ħdan in-NATO li jista’ jsosti lilu nnifsu.

Skont Merz, il-potenzjal politiku, teknoloġiku, ekonomiku u militari tal-UE hu enormi iżda dan il-potenzjal s’issa għadu ma ġiex realizzat.

Hu appella biex il-pajjiżi fl-UE juru l-istess għaqda li wrew fil-kwistjoni ta’ Greenland. Fi stqarrija diretta lill-Prim Ministru tad-Danimarka, Merz qal li pajjiżha jista’ jiddependi fuq is-solidarjetà Ewropea “għal-liem m’hemmx limitu”. Din l-istqarrija ntlaqgħet b’applaws kbir ieħor.