L-Ingilterra se tkun qed taffaċċja lil Spanja, il-Kroazja u r-Repubblika Ċeka fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Nations League 2026/27.
L-Italja, li għadha trid tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja li se ssir bejn Ġunju u Lulju li ġej, se jkunu qed jilgħabu fl-istess grupp fejn flimkien magħhom hemm ukoll Franza, Belġju u t-Turkija.
Il-ħames edizzjoni tal-UEFA Nations League se ssir bejn Settembru 2026 u Ġunju 2027.
Il-Portugall, rebbieħa tal-aħħar edizzjoni tal-UEFA Nations League, wara li kienu għelbu lil Spanja bil-penalties f’Ġunju tas-sena li għaddiet, se jkunu qed jaffrontaw fl-istess grupp lil Wales, id-Danimarka u n-Norveġja.
Kull tim se jilgħab kontra kull avversarju fil-grupp tiegħu darbtejn – darba f’daru u darba barra – bejn Settembru u Novembru 2026.
Iż-żewġ timijiet ta’ fuq minn kull grupp fil-League A javvanzaw għall-kwarti tal-finali, li se jsiru f’Marzu 2027, qabel is-semi-finali u l-finali f’Ġunju biex jiġi deċiż ir-rebbieħ ġenerali tal-kompetizzjoni.
Ir-rebbieħa tal-gruppi fil-Leagues B, C u D se jiġu promossi għal livell ogħla, filwaqt li t-timijiet li jispiċċaw fl-aħħar post fil-Leagues A, B u C se jiġu relegati diviżjoni oħra.
It-timijiet li jispiċċaw fit-tieni post fil-leagues l-oħra se jidħlu f’play-offs kontra dawk li jispiċċaw fit-tielet post fil-Leagues A, B u C biex jiġġieldu kontra r-relegazzjoni.
It-timijiet li juru l-aħjar prestazzjoni fil-kompetizzjoni iżda ma jikkwalifikawx direttament għall-Kampjonat Ewropew tal-2028 se jingħataw ċans ieħor permezz tal-play-offs biex jiksbu posthom fit-turnew.
It-tlugħ tal-poloz li sar il-bieraħ f’Brussels, tal-gruppi kollha f’kull diviżjoni ttelgħu kif ġej:
League A
Grupp A1: Franza, Italja, Belġju, Turkija
Grupp A2: Ġermanja, Olanda, Serbja, Greċja
Grupp A3: Spanja, Kroazja, Ingilterra, Repubblika Ċeka
Grupp A4: Portugaĺl, Danimarka, Norveġja, Wales
League B
Grupp B1: Skozja, Svizzera, Slovenja, Maċedonja ta’ Fuq
Grupp B2: Ungerija, Ukrajna, Ġorġja, Irlanda ta’ Fuq
Grupp B3: Iżrael, Awstrija, Repubblika tal-Irlanda, Kosovo
Grupp B4: Polonja, Bożnija-Ħerzegovina, Rumanija, Żvezja
League C
Grupp C1: Albanija, Finlandja, Belarus, San Marino
Grupp C2: Montenegro, Armenja, Ċipru, Ġibiltà/Latvja*
Grupp C3: Każakstan, Slovakkja, Gżejjer Faroe, Moldavja
Grupp C4: Islanda, Bulgarija, Estonja, Lussemburgu/Malta*
League D
Grupp D1: Ġibiltà/Latvja, Lussemburgu/Malta, Andorra
Grupp D2: Litwanja, Ażerbajġan, Liechtenstein
*Ġibiltà u Latvja, kif ukoll Lussemburgu u Malta, se jilagħbu play-offs f’Marzu biex jiġi deċiż min se jikkompeti fil-Leagues C u D.
//= $special ?>

