Fil-kawża Tarantula Holdings Limited kontra San Giuliano Catering Limited, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli ma laqgħetx it-talbiet fuq l-umbrelel u tibjid ta’ ristorant kien qed jikkawżalha danni.
Il-kumpanija Tarantula Holdings Limited talbet lill-Qorti biex il-kumpanija San Giuliano Catering Limited tiġi ordnata tbaxxi l-livell tal-umbrelel illi ġie stallat fit-terrazzin tal-istabbilment kummerċjali, r-ristorant, ġestit minnha bl-isem Girasole, fi Triq San Ġużepp, San Ġiljan, għal livell li jiġi aktar baxx mill-art
tal-istabbiliment kummerċjali.
It-talba kienet biex dik il-parti mill-ħajt tar-ristorant imur lura għall-istat oriġinali tiegħu. Ingħad ukoll li l-kumpanija bajdet parti mill-ħajt tal-istabbiliment kummerċjali ġestiti mill-kumpanija fl-istess kulur tal-istabbiliment kummerċjali li kienet qed tilmenta dwaru l-kumpanija li fetħet il-kawża.
Hawn ingħad illi dan l-aġir jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tal-kumpanija attriċi, u qiegħda, konsegwentement, jilledi d-drittijiet tal-kumpanija Tarantula Holdings Limited li tgawdi l-proprjeta’ tagħha, oltre li jmur kontra l-prinċipju ta’ bon vicinat u għalhekk huwa aġir illegali u abbużiv.
Joseph Fenech Soler, Direttur tas-soċjeta’ rikorrenti, jgħid fl-affidavit tiegħu illi, “bosta kienu n-nies illi rrifjutaw li jieklu fir-ristorant meta jaraw li l-veduta kienet ta’ umbrellel u pjanti, u mhux tal-bajja sabiħa ta’ San Ġiljan, u b’riżultat jitilqu l’ barra mill-propjetà tiegħu li tintuża’ wkoll bħala ristorant.
Il-Qorti qalet li ma tressqet l-ebda prova oħra sabiex kelmtu tiġi korraborata, b’dana illi din il-Qorti hija
sprovvista minn kwalsiasi prova illi tista’ b’xi mod tissostanzja dak minnu sostnut. Għaldaqstant, il-Qorti hija tal-fehma illi d-dritt tal-kumpanija li tuża u tiddisponi mit-terrazzin proprjeta’ tagħha bl-użu tal-umbrelel kif preżentement qiegħda tagħmel, meta komparat mad-dritt tas-soċjeta’ rikorrenti, ma jeċċedix il-limiti ta’ tolleranza.
Il-Qorti sabet li l-installazzjoni u l-użu tal-umbrelel fit-terrazzin tar-ristorant ma jikkostitwixxux ksur illegali u lanqas ksur tal-prinċipju. Ġie konkluż li ma tressqet ebda prova konvinċenti li turi li dawn l-umbrelel ikkawżaw dannu effettiv jew telf sostanzjali, u li l-konfigurazzjoni strutturali tal-proprjetajiet kienet ilha teżisti snin qabel ma r-rikorrenti akkwistat il-fond tagħha.
Fir-rigward tal-allegat tibjid tal-ħajt, il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm prova suffiċjenti li dan seħħ b’mod illegali jew li kkawża ksur gravi. Għaldaqstant, il-Qorti qalet li hija tal-fehma illi l
allegazzjonijiet tas-soċjeta’ rikorrenti ma ġewx pruvati, u konsegwentement it-talbiet ma jistgħux jintlaqgħu. Għal dawn il-motivi, il-Qorti taqta’ u tiddeċiedi billi tiċħad it-talbiet kollha bl-ispejjeż b’kollox.


