Opinjoni

Opinjoni: Il-paga minima f’Malta fost l-iktar baxxi fl-UE

Ċifri ppubblikati mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, ipoġġu lil Malta fost tmien pajjiżi b’paga minima ta’ taħt il-€1,000 fix-xahar. Iċ-ċifri huma għall-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Il-paga minima f’Malta hi ta’ €994 fix-xahar. Meta mbagħad innaqqsu l-livell tad-differenza fil-prezzijiet biex hekk din id-differenza tiġi eliminata (PPS) Malta tispiċċa s-sitta mill-aħħar b’warajha s-Slovakkja, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u l-Estonja. Jirriżulta wkoll miċ-ċifri pubblikati li l-ogħla paga minima fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hi b’4.4 darbiet iktar minn dik l-iktar baxxa. L-ogħla paga minima hi dik tal-Lussemburgu b’€2,704 fix-xahar filwaqt li l-inqas waħda hi tal-Bulgarija b’€620 fix-xahar. Ta’ min jinnota wkoll li l-Greċja, il-Kroazja u l-Polonja li sa ftit taż-żmien ilu kellhom paga minima iktar baxxa minn ta’ Malta, issa qabżuna.

Joe M. Zahra

L-Unjoni Ewropea hemm ħames pajjiżi li m’għandhomx paga minima. Dawn huma d-Danimarka, l-Italja, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja. Fost dawk li għandhom paga minima ta’ iktar minn €1,500 fix-xahar insibu lil-Lussemburgu (€2,704); l-Irlanda (€2,391); il-Ġermanja (€2,343), l-Olanda (€2,295); il-Belġju (€2,112) u Franza (€1,823). Imbagħad hemm tmien pajjiżi fejn il-paga minima hi ta’ bejn €1,000 u €1,500: Spanja (€1,381), is-Slovenja (€1,278), il-Litwanja (€1,153), il-Polonja (€1,139), Ċipru (€1,088), il-Portugall (€1,073), il-Kroazja (€1,050) u l-Greċja (€1,017) u tmienja oħra, fosthom Malta fejn il-paga minima hi taħt il-€1,000: Malta (€994); ir-Repubblika Ċeka (€924); is-Slovakkja (€915); Estonja (€886); l-Ungerija (€838); ir-Rumanija (€795); il-Latvija (€780) u l-Bulgarija (€620).
Jekk inħarsu lejn il-pajjiżi fejn il-paga minima hi taħt l-€1,000 fix-xahar, bl-eċċezzjoni ta’ Malta, dawk kollha kienu parti mill-blokk komunista tal-Unjoni Sovjetika qabel waqgħet il-purtiera tal-ħadid. Iżda anke f’dawn il-pajjiżi kien hemm żidiet fil-paga minima ferm ogħla minn tagħna. Hekk pereżempju r-Rumanija, il-Bulgarija u l-Polonja kellhom żidiet qawwija ta’ madwar 10 fil-mija fis-sena fil-perijodu Jannar 2016/Jannar 2026. Min-naħa tagħna ż-żieda kienet ta’ medja ta’ 3.2 fil-mija fis-sena. L-uniku pajjiż fejn iż-żieda kienet iktar baxxa minn tagħna kienet Franza bi 2.2 fil-mija fis-sena. Biss Franza hi fost il-pajjiżi bl-ogħla paga minima!
Il-paga minima f’Malta daħlet fis-seħħ f’Diċembru 1974. Dakinhar kienet €23.29 fil-ġimgħa jew €100.92 fix-xahar. Illum hi qrib 10 darbiet iktar. Fl-aħħar erbatax-il sena żdiedet bi €309 fix-xahar. Din hi medja ta’ €5 fil-ġimgħa. Paga minima li ma jirriżultax li hi biżżejjed biex min qiegħed b’paga bħal din jgħix tajjeb. Kif ktibt iktar ’il fuq f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea ż-żieda kienet ferm iktar.
Fil-manifest elettorali li bih il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2022 f’wegħda numru 99 insibu li l-mira tal-Partit Laburista hi li Malta jkollha fost l-inqas rati ta’ persuni fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea. Din il-wegħda jirriżulta li ma ntlaħqitx tant li l-aħħar ċifri juru li f’pajjiżna hawn 108,000 fir-riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali. Ċifra iktar minn 20,000 iżjed milli kienet meta l-Partit Laburista tela’ fil-gvern fl-2013.
Jirriżulta li ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni minħabba n-numru kbir ta’ ħaddiema li qed jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea, u l-pagi li dawn qed jingħataw – xi ħaġa eks ministru Laburista fisser lil dawn l-immigranti bħala l-iskjavi moderni – qed ikollu impatt fost il-pagi tal-Maltin. Pagi li fost l-inqas li żdiedu fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
L-impatt joħroġ ċar meta naraw kemm sar diffiċli biex il-ħaddiem Malti jlaħħaq mal-għoli tal-ħajja. Fejn l-ikel u l-mediċini qed iżidu fil-prezzijiet kontinwament.
Bla dubju ta’ xejn il-ħaddiem Malti ma jixraqlux li jkollu fost l-inqas paga minima u fost l-inqas żidiet fil-pagi fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Ma jixraqlux ikun fil-livell ta’ pajjiżi li kienu taħt dittatura komunista li minnha għadhom ma rpiljawx għalkollox, minkejja ż-żidiet kbar fil-pagi li taw tul is-snin.
Pajjiżna jixraqlu jkun fost il-pajjiżi jekk mhux bl-ogħla paga minima tal-inqas fost dawk tan-nofs. Fil-parti għolja ta’ dawk b’paga minima ta’ bejn l-€1,000 u l-€1,500 fix-xahar.

Avviż Legali li wassal għal żieda fil-mediċini

Mill-kolonni ta’ dan il-ġurnal dehret lista ta’ 90 tip ta’ mediċini li għolew bejn tnejn u 50 fil-mija. Il-lista tinkludi wkoll tliet tipi ta’ mediċini li għolew b’137%; 200% u 233 fil-mija!
Meta tkellem dwar din iż-żieda fil-prezz tal-mediċini x-Shadow Minister għas-Saħħa Stephen Spiteri tenna kif l-avviż legali dwar żieda fit-tariffi għall-importazzjoni tal-mediċini kienet se żżid il-prezz. Hu tenna li l-Gvern irid joħloq stabbiltà fis-suq tal-mediċini għaliex minkejja li l-mediċini ġeneriċi huma t-triq ’il quddiem għaliex huma orħos, ta’ kwalità u jagħtu riżultati tajbin, il-Gvern ma jistax joħloq suq instabbli ta’ mediċini li qed jogħlew.
Il-verità hi li meta jogħlew il-mediċini l-iktar li jbatu minn dan l-għoli huma dawk bl-inqas paga u l-pensjonanti. Ħafna Maltin u Għawdxin qed jirrikorru għal familjari tagħhom jew ħbieb li jkunu se jsiefru biex jitolbuhom iġibulhom minn barra bħal Sqallija u postijiet oħra tal-Ewropa, inkluż ir-Renju Unit, mediċini li jkollhom bżonn. Għaliex huma orħos. F’ħafna każi anke nofs il-prezz ta’ dak li jħallsu għalihom f’pajjiżna!
L-iktar li jagħmlu użu mill-mediċini huma l-anzjani. Dawn minbarra dak li jingħataw mill-POYC ikollhom jixtru minn flushom kwantità ta’ mediċini. Ċifra li skont stħarriġ li sar dan l-aħħar tlaħħaq il-mijiet fis-sena. Medja ta’ iktar minn €700 fis-sena. Dan qed iwassal biex iż-żieda li jingħataw tittiekel miż-żieda fil-prezz ogħla tal-mediċini. Dan flimkien maż-żieda fil-prezz tal-ikel qed iħallu lill-anzjani mingħajr riżorsi finanzjarji biex ikunu jistgħu jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom. Fuq kollox biex ilaħħqu ma’ spejjeż oħra li jinqalgħu kontinwament. Ir-riżultat: livell tal-ħajja li mhux jitjieb u żieda fin-numru ta’ dawk fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 13 ta’ Frar, 2026.