Opinjoni

Opinjoni: IS-70 ANNIVERSARJU MILL-FALLIMENT TAL-INTEGRATION (3)

Victor Camilleri
Eks Editur ta’ In-Nazzjon u Il-Mument

Kienet ta’ riskju kbir għal Malta

Is-70 anniversarju tal-falliment tal-Integration ifakkar wieħed mill-episodji l-aktar kontroversjali iżda, fl-istess ħin, deċiżiv, fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
Kemm-il darba qrajna li dan il-mument kien proġett ambizzjuż ta’ Gvern Laburista mmexxi mill-PM Dom Mintoff.
Meta terġa’ tara dak kollu li kien seħħ 70 sena ilu, meta Malta kellha quddiemha – permezz ta’ referendum – għażla kruċjali, ma tridx wisq biex tifhem il-preokkupazzjonijiet tal-Maltin, flimkien ma’ twissijiet li sarulhom u oġġezzjonijiet fuq bazi ta’ prinċipju għaliex kienu tal-fehma li din kienet proposta li kienet iġġib riskju kbir għall-futur ta’ Malta.
Fost dawk li opponew il-proposta b’mod prominenti kien hemm il-Partit Nazzjonalista li bil-qawwa tiegħu fil-kamp politiku u intellettwali, ħalla impatt notevoli fuq il-fehma pubblika u, eventwalment, fuq il-kors tal-iżvilupp kostituzzjonali tal-pajjiż.

Kwistjoni ta’ identità u awtonomija
Għall-PN u għal ħafna oħrajn, l-integrazzjoni kienet – oltre l-limiti ta’ bidla kostituzzjonali – thedded l-istess identità Maltija. Filwaqt li l-partitarji tal-Integration saħqu li Malta setgħet iżżomm il-karatteristiċi tagħha fi ħdan l-istruttura Britannika, il-PN argumenta li tali garanziji kienu wisq ottimistiċi u ma jifhmux il-piż politiku u kulturali tal-Ingliżi.
Il-PN enfasizza li l-poplu Malti, li għal snin twal kien ilu jiddefendi d-drittijiet tiegħu għal self government, kien issa f’riskju li jsir komunità periferika fi struttura imperjali enormi. Wara snin twal ta’ ġlieda biex tikber l-awtonomija u d-demokrazija lokali, l-Integration kienet tidher u tinħass bħala pass lura – ritorn lejn is-sistema fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu dejjem aktar f’Londra milli f’Malta.
Inċertezza ekonomika wara l-wegħdiet
Il-Gvern Laburista ta’ Mintoff u s-sostenituri tal-Integration kienu jwiegħdu futur ta’ prosperità: paga ugwali għal dik Ingliża, servizzi soċjali estiżi, u stabbiltà ekonomika marbuta mal-preżenza militari tar-Renju Unit. Il-PN, min-naħa tiegħu, ma kienx kundizzjonat minn dawn il-wegħdiet iżda pjuttost kien isostni li filwaqt li dawn kienu ottimistiċi żżejjed, kienu bażati fuq dipendenza li setgħet tisfuma mal-ewwel tibdil fil-politika Ingliża.
Il-PN – ħafna aktar realistiku – kien wissa li l-Ingilterra kienet diġà sa minn nofs is-snin ħamsin tikkunsidra l-impenji militari tagħha madwar id-dinja u għalhekk li torbot l-ekonomija Maltija, kważi għalkollox, ma’ dan l-impenn kien perikoluż u ta’ riskju esaġerat. Jekk ir-Renju Unit kellu jbiddel l-istrateġija, jew inaqqas l-operazzjonijiet tiegħu fil-Mediterran, Malta setgħet tħabbat wiċċha ma’ xokk ekonomiku devastanti.
L-iżviluppi li seħħew ftit tas-snin wara – bi tnaqqis drastiku militari Ingliż – ġabu magħhom sens ta’ ġustifikazzjoni għall-pożizzjoni li kien ħa l-PN fi żmien l-integration.

Il-leġittimità demokratika u l-bojkott immexxi mill-PN
Wieħed mill-atti politiċi l-aktar kuraġġużi fl-istorja tal-PN kienet id-deċiżjoni tiegħu li jsejjaħ għall-bojkott tar-Referendum. Din ma kinitx biss tattika elettorali ta’ Ġorġ Borg Olivier u sħabu, iżda espressjoni ċara ta’ dubju qawwi dwar il-leġittimità tal-proċess innifsu.
Il-PN argumenta li tibdil kostituzzjonali daqshekk radikali ma setax isir ħlief b’mandat li ma jħalli l-ebda dubju. Minħabba l-bojkott, il-votazzjoni kellha parteċipazzjoni baxxa ħafna – l-iżgħar fost ir-referenda nazzjonali kollha fl-istorja politika ta’ Malta – u għalkemm il-maġġoranza ta’ dawk li vvutaw kienet numerikament favur l-Integration, ir-riżultat ma setax ikun meqjus bħala r-rieda tal-poplu Malti.
Il-bojkott, għalhekk kellu funzjoni doppja: messaġġ politiku qawwi u twissija dwar il-periklu ta’ deċiżjoni nazzjonali mingħajr kunsens wiesa’. Eventwalment din il-pożizzjoni kellha rwol ewlieni fil-mod kif Malta mexxiet ’il quddiem il-proċess kostituzzjonali tagħha lejn l-Indipendenza.
Il-PN wera wkoll tħassib serju dwar l-implikazzjonijiet kulturali u reliġjużi f’każ ta’ integrazzjoni. Minkejja l-garanzija li kienu qed jingħataw minn Londra ħafna Maltin u fuq kollox il-ġerarkija tal-Knisja Maltija, baqgħu jemmnu li l-kultura kattolika – l-aktar fil-kuntest Malti – ma setgħetx tintegra faċilment ma’ stat eminentement sekulari bħal dak Britanniku.

Il-‘wirt’ tal-Integration

■ Illum, 70 sena wara, ir-Referendum tal-1956 jibqa’ punt pjuttost negattiv li seta’ komplessivament, jolqot ħażin u mhux ftit, lill-poplu u lill-pajjiż kollu.
Għall-Partit Nazzjonalista u għal dawk kollha li opponew l-Integration – inklużi dawk li kienu jsostnu lil Mabel Strickland u l-partit tagħha – dan ma kienx biss konflitt politiku iżda battalja għall-identità u d-dinjità nazzjonali. It-twissijiet tagħhom ċertament li kienu strateġiċi filwaqt li l-viżjoni tagħhom dwar is-sovranità matul is-snin saret realtà.
F’dan l-anniversarju xieraq li wieħed iħares lejn dik l-oppożizzjoni li kienet saret għall-Integration bħala tieqa li nfetħet għal ftehim aktar profond ta’ kif Malta, prinċipalment bit-tmexxija għaqlija ta’ Ġorġ Borg Olivier u l-Partit Nazzjonalista, għażlet il-mixja tagħha lejn sovranità sħiħa. Hu evidenti li l-vuċi ta’ dawk li wissew kontra r-riskji li kien hemm, kienu fl-aħħar mill-aħħar, parti essenzjali fil-bini tan-nazzjon tagħha.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 13 ta’ Frar, 2026.