Opinjoni

Opinjoni: Opinjoni: IS-70 ANNIVERSARJU MILL-FALLIMENT TAL-INTEGRATION (2)

Il-Malta Labour Party (MLP)

■    Appoġġ totali għall-Integration bħala opportunità biex ittejjeb il-livell tal-ħajja u s-servizzi soċjali.

■    Dom Mintoff kien isostni li l-unjoni kostituzzjonali kienet tkun l-aħjar garanzija għas-sigurtà ekonomika u politika.

■    Skont il-MLP, vot IVA kien ikun investiment fil-futur.

■    Il-paga medja tal-Maltin titla’ għal £9 fil-ġimgħa.

X’kien ifisser il-vot IVA

■ Vot IVA kien ifisser approvazzjoni għall-Unjoni kostituzzjonali mar-Renju Unit; rappreżentanza ta’ tliet membri parlamentari f’Westminster, livell ogħla ta’ servizzi soċjali u qbil li d-deċiżjonijiet finali jittieħdu flimkien ma’ jew taħt Londra.

Il-Partit Nazzjonalista (PN)

■    Il-PN irrifjuta l-Integration anzi enfasizza l-ħtieġa li Malta tibqa’ żżomm is-self-government, possibbilment ittejjeb fuq il-qagħda ta’ dak iż-żmien u tiddefendi l-identità nazzjonali.

■    Il-pożizzjoni uffiċjali tal-PN kienet li, min seta’ jibbojkottja r-Referendum u, min ma setax, jivvota LE.

■    L-Integration kienet periklu għall-kultura u s-soċjetà Maltija.

X’kien ifisser vot LE… u bojkott

■ Vot LE (kif ukoll bojkott) kien rifjut totali tal-pakkett kollu u appoġġ biex Malta żżomm l-identità ta’ politika separata tagħha, tkompli bis-self government; u, fuq kollox, tħalli miftuħa l-għażla ta’ indipendenza sħiħa li eventwalment, saret realtà f’Settembru 1964.

X’kienu qed ikunu mistoqsijin il-Maltin eżattament

Għalkemm il-mistoqsija tar-Referendum kienet tkopri pakkett sħiħ ta’ ftehimiet kostituzzjonali, ekonomiċi u politiċi li l-Gvern ta’ Mintoff innegozja mar-Renju Unit, VOT IVA kien ifisser approvazzjoni għal dawn kollha flimkien filwaqt li l-vot LE kien rifjut assolut tal-proposta.

F’din il-kitba qed tingħata spjegazzjoni ta’ dak li fil-verità kien hemm ‘moħbi’ wara dik il-mistoqsija tar-Referendum.

Jekk Malta kellhiex issir parti kostituzzjonali mir-Renju Unit

• Vot IVA kien ifisser li Malta ma tibqax Kolonja b’self-government iżda ssir reġjun integrali tar-Renju Unit – speċi ta’ Wales jew l-Iskozja.

• Vot LE jikkonferma li Malta tibqa’ entità Kostituzzjonali separata.

Irridux rappreżentanza f’Westminster

Il-proposta kienet tinkludi li Malta jkollha tliet membri fil-House of Commons.

Jekk il-pagi u l-benefiċċji Maltin isirux bħal tal-Ingliżi

• Vot IVA kien ifisser approvazzjoni għal żidiet fil-pagi, tibdil fis-servizzi soċjali; provediment ta’ benesseri (welfare) fuq mudelli Ingliżi, u stabbiltà ekonomika marbuta mar-Renju Unit.

• Il-PN kien iqis dawn il-wegħdiet bħala riskjużi u mhux realistiċi.

Jekk liġijiet u sistemi Maltin kellhomx ikunu armonizzati ma’ dawk Ingliżi

L-Integration kienet tinvolvi armonizzazzjoni gradwali f’oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-liġi tax-xogħol u l-politika soċjali.

Min kien jopponi l-Integration kien isostni li dan seta’ jġib rigress kulturali u morali.

Jekk Malta kellhiex tibqa’ tiddependi fuq l-infiq militari tal-Ingliżi

Il-proposta kienet timplika li l-ekonomija Maltija tkompli tkun marbuta mat-tarzna u l-bażijiet militari.

• Vot IVA kien jikkonferma din id-dipendenza.

• Vot LE kien jirrifjutaha bħala strateġikament perikoluża.

Jekk is-sovranità finali kellhiex tgħaddi f’idejn Westminster

Dan kien l-aktar punt kontroversjali…

• Vot IVA kien jagħti lill-Parlament Ingliż l-aħħar kelma fuq il-liġijiet, il-finanzi u d-deċiżjonijiet strateġiċi ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista (u anki l-Knisja) kien enfasizza li dan kien imur kontra l-kunċett ta’ nazzjon sovran.

Jekk il-garanzija għall-identità reliġjuża u kulturali kinux biżżejjed

Mintoff u l-Ingliżi wiegħdu li l-Kattoliċiżmu jibqa’ jkun inkluż fil-Kostituzzjoni u li l-Iskejjel tal-Knisja jibqgħu protetti.

Madankollu, ħafna – inkluż l-Arċisqof Gonzi – ma emmnux li garanziji bħal dawn setgħu jorbtu stat ‘sekulari’ bħalma hu dak tar-Renju Unit

Il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika f’Malta dwar l-Integration

Il-Knisja Kattolika f’Malta, immexxija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, kellha rwol ċentrali fid-dibattitu dwar il-proposta tal-Integration. L-inkwiet ewlieni tagħha kien li l-proposta setgħet tnaqqas l-awtonomija kulturali u spiritwali tal-poplu Malti, speċjalment jekk il-Parlament Ingliż kien ikollu d-dritt jirregola fuq materji morali, edukattivi jew soċjali.

L-Arċisqof Gonzi sostna li l-Knisja ma setgħetx taċċetta sistema politika li, potenzjalment, setgħet tagħti setgħa akbar lil awtoritajiet mhux kattoliċi dwar ħwejjeġ li jolqtu l-fidi.

Fil-prattika, il-Knisja qajmet kuxjenza morali u teoloġika kontra l-Integration u dan ikkontribwixxi wkoll b’mod sinifikanti għall-falliment tal-Integration.

Wieħed jista’ jgħid li l-pożizzjoni tal-Knisja f’Malta kienet deċiżiva biex ikun hemm tnaqqis fit-turnout u biex tinħoloq pressjoni morali favur sovranità nazzjonali.