Opinjoni

Opinjoni: Realtajiet diffiċli

Fit-tielet episodju ta’ ‘Unfiltered – The MŻPN Podcast’ iltqajna ma’ Patri Marcellino Micallef li analizza realtajiet diffiċli madwarna

Jean Paul Barbara
Minority Leader
Kunsill Lokali Ħad-Dingli

Qabel xejn, nixtieq nesprimi ringrazzjament sinċier lil Bernice Bonello, ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ, kif ukoll lill-Partit Nazzjonalista, tal-appoġġ kontinwu tagħhom li qed jgħinuna biex din il-podcast tal-MŻPN, li kienet ħolma, issir realtà. Dan il-proġett qed jagħtina spazju bħala żgħażagħ fejn nistgħu niddiskutu realtajiet veri, bla filtri, u nġibu quddiem kulħadd vuċijiet li għandhom ħafna x’jgħidu.
F’dan it-tielet episodju, kelli l-opportunità li nintervista lil Patri Marcellino Micallef, persuna li ħafna jafuha bħala wieħed mill-imħuħ u l-qlub moħbija wara s-soup kitchen li tinsab fil-Belt Valletta.

Realtajiet xejn komdi
Patri Marcellino huwa persuna li matul il-vokazzjoni u l-ħidma tiegħu ltaqa’ ma’ ħafna realtajiet iebsa tal-ħajja. F’din l-intervista, qasam magħna esperjenzi reali u diretti dwar temi li ħafna drabi nippreferu ma nitkellmux dwarhom: il-homelessness, is-solitudni, il-faqar u d-dipendenza fuq id-droga.
Fl-ewwel parti tad-diskussjoni, Patri Marcellino laqa’ l-istedina tal-MŻPN u spjega min hu u kif tidher ġurnata tipika fil-ħajja tiegħu – ġurnata mimlija servizz, smigħ u għajnuna lejn dawk li s-soċjetà ħafna drabi ddawwar wiċċha minnhom.
Minn hemmhekk, id-diskussjoni mxiet lejn il-mument kruċjali li wasslu biex jiftaħ is-soup kitchen fil-Belt, inizjattiva li twieldet minn sens qawwi ta’ missjoni u minn kuntatt dirett mal-faqar reali. Fakkarna wkoll f’suċċess importanti: fl-2023, is-soup kitchen immexxija minnu rebħet il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew.
Patri Marcellino spjega x’wassal għal dan ir-rikonoxximent, kemm kienet sorpriża għalih, u kif dan il-premju kien konferma li ħidma bbażata fuq il-valuri u s-solidarjetà tista’ tasal u tiġi apprezzata anke lil hinn minn pajjiżna.

Il-problema tal-faqar madwarna
Tema ċentrali oħra kienet il-mistoqsija li ħafna jħossuha skomda: hemm faqar f’Malta? Minkejja li spiss naraw il-faqar f’pajjiżi barranin, Patri Marcellino kkonferma li f’Malta hemm persuni li ma jaffordjawx saqaf fuq rashom jew platt sħun fuq il-mejda.
Qajjem ukoll il-kontradizzjoni ta’ pajjiż li suppost qed jagħmel progress, iżda xorta qed jara żieda fil-faqar u fil-bżonn ta’ aktar soup kitchens. Fl-intervista ġiet indirizzata wkoll ir-realtà tal-homelessness. Riċentament smajna li hemm madwar 500 persuna homeless f’Malta, u Patri Marcellino spjega x’jista’ jwassal biex persuna tispiċċa f’dan l-istat, kif ukoll x’għajnuna teżisti – u fejn għad hemm nuqqas serju.
Parti oħra importanti tad-diskussjoni ffukat fuq id-dipendenza fuq id-droga. Patri Marcellino spjega kif fis-soup kitchen jiltaqa’ ma’ ħafna vittmi ta’ din il-problema, nies li tilfu kollox u spiċċaw mingħajr mezzi bażiċi biex jgħixu. Huwa enfasizza kemm din il-problema hija gravi u kemm hemm bżonn approċċ aktar uman u integrat. Meta tkellimna dwar iż-żjara taż-żgħażagħ tal-MŻPN u ta’ Team Start fis-soup kitchen, flimkien ma’ Sarah Bajada, Patri Marcellino semma wkoll il-problema serja tal-użura.

Il-kwistjoni tas-solitudni
Spjega kif xi persuni jispiċċaw “ta’ fuqhom senduqhom” minħabba self abbużiv, u staqsa jekk hemmx biżżejjed għajnuniet u protezzjoni għal min jispiċċa vittma ta’ din is-sitwazzjoni.
Id-diskussjoni messet ukoll tema li ħafna drabi tiġi assoċjata biss mal-Milied jew mal-festi: is-solitudni. Patri Marcellino fakkarna li s-solitudni mhijiex problema staġjonali, iżda realtà kontinwa għal ħafna nies tul is-sena kollha.
Fl-aħħar nett, staqsejna mistoqsija li tmiss lil kulħadd: x’nistgħu nagħmlu aħna, bħala individwi u bħala soċjetà, biex intaffu dan l-uġigħ? It-tweġiba tiegħu kienet waħda sempliċi iżda qawwija li nibdew nisimgħu, inkunu preżenti, u ma nibqgħux indifferenti.
Mill-ġdid, nirringrazzjaw lil Patri Marcellino Micallef talli laqa’ l-istedina tal-MŻPN u nawgurawlu aktar suċċess fil-ħidma siewja tiegħu.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Frar, 2026.