Opinjoni

Opinjoni: Viżjoni ċara għal Għawdex u l-Għawdxin

F’Novembru li għadda ġejt elett bħala l-President Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex, b’mandat ċar biex flimkien ma’ kumitat ta’ sitt persuni mmexxu lill-partit fir-reġjun tagħna għas-sentejn li ġejjin

Noel Formosa
President Reġjonali f’Għawdex

 It-tisħiħ tat-tesserament f’Għawdex hu prijorità, iżda mhux f’termini ta’ numri biss

 Id-deċiżjonijiet dwar Għawdex għandhom jittieħdu qrib u mal-Għawdxin

Din l-elezzjoni kienet mument sinifikanti mhux biss għalija personalment, iżda wkoll għall-PN f’Għawdex, f’kuntest soċjali u politiku li qed jinbidel u li jitlob impenn, serjetà u viżjoni fit-tul.
Is-sodisfazzjon tiegħi ġej mhux biss mir-riżultat elettorali, iżda wkoll mill-entużjażmu qawwi li rajna fost it-tesserati li ħarġu jivvutaw. It-turnout pożittiv kien sinjal ċar li hemm xewqa ġenwina għal parteċipazzjoni akbar, għal tiġdid u għal politika li tkun qrib in-nies. Bdejna dan il-mandat b’ħeġġa kbira, iżda wkoll b’sens akbar ta’ responsabbiltà lejn dawk kollha li emmnu f’dan il-proġett.
Ninsab partikolarment sodisfatt bit-tim li ġie elett: tim bilanċjat, magħmul minn nies b’esperjenza twila fil-ħidma politika u oħrajn li qed iġibu magħhom ideat ġodda, enerġija u perspettivi friski.

Ħidma kollettiva
Aktar minn hekk, kien importanti għalija li l-proċess elettorali jkun wieħed mibni fuq rispett u ħbiberija. Ridt li kemm dawk eletti kif ukoll dawk li ma ġewx eletti jibqgħu parti integrali mit-tmexxija. Dan il-prinċipju qed jitħaddem fil-prattika, għaliex illum kulħadd qed jagħti sehmu f’xi sottokumitat, b’għan wieħed komuni: li naħdmu flimkien għal PN aktar b’saħħtu f’Għawdex.
L-esperjenza tiegħi ta’ kważi tletin sena fit-tmexxija għallmitni li l-politika, biex tkun kredibbli u effettiva, trid titħaddem “għan-nies, minn qalb, in-nies”. Il-politika mhijiex biss dwar strutturi jew strateġiji, iżda dwar il-ħajja ta’ kuljum tal-familji, taż-żgħażagħ, tal-anzjani u ta’ dawk vulnerabbli. Dan il-prinċipju se jkun il-pedament tal-ħidma tagħna f’dawn is-sentejn li ġejjin.
Għalhekk irrid inkun aktar qrib il-kumitati lokali, li huma l-eqreb lejn il-komunitajiet tagħna. Irrid nisma’ l-uġigħ, it-tħassib u l-aspirazzjonijiet ta’ dawk li jimmilitaw fil-partit, imma wkoll ta’ dawk li forsi llum jinsabu ftit ’il bogħod u jixtiequ jersqu aktar lejn il-PN. Irrid li kulħadd iħossu milqugħ u li jkollu postu. Il-kumitati lokali huma l-ewwel punt ta’ kuntatt man-nies fil-lokalitajiet tagħna.
Dawn il-kumitati jifhmu l-isfidi reali li jaffaċċjaw l-Għawdxin: minn aċċess għas-servizzi, għall-opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità, għall-isfidi ta’ familji żgħażagħ u persuni anzjani. Il-viżjoni tiegħi hi li l-PN f’Għawdex ikun spazju miftuħ fejn kulħadd iħossu milqugħ u rispettat.

L-irwol importanti tat-tesserat
It-tisħiħ tat-tesserament f’Għawdex hu prijorità, iżda mhux f’termini ta’ numri biss. Irrid li t-tesserati jkunu verament mismugħa, li l-esperjenzi tagħhom jissarrfu f’politika aħjar u li nsaħħu l-kultura ta’ laqgħat, djalogu u konsultazzjoni. Il-partit irid ikun komunità ħajja, mibnija fuq fiduċja u parteċipazzjoni.
Fuq livell aktar wiesa’, nemmen bis-sħiħ fit-tisħiħ tal-element reġjonali f’Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista dejjem kien strumentali fil-ħarsien u l-promozzjoni tar-reġjonalità Għawdxija, u dan hu prinċipju li rridu nkomplu nibnu fuqu.
Għawdex għandu realtajiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali speċifiċi li jitolbu soluzzjonijiet imfassla apposta. Il-PN għandu jkun katalist għar-rikonoxximent uffiċjali tar-Reġjonalità Għawdxija, f’qafas ta’ żvilupp sostenibbli li jqiegħed lill-bniedem fiċ-ċentru.
Din il-viżjoni hija wkoll allinjata mal-prinċipji tal-Partit Popolari Ewropew, li l-PN jifforma parti minnu. Il-politika tal-EPP hija msejsa fuq il-valuri tal-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà, is-sussidjarjetà u r-rispett lejn id-dinjità tal-persuna.


Il-prinċipju tas-sussidjarjetà, b’mod partikolari, hu kruċjali għal Għawdex: deċiżjonijiet għandhom jittieħdu kemm jista’ jkun qrib in-nies, fil-livell lokali u reġjonali, fejn ir-realtajiet jinftiehmu l-aħjar.
Fl-aħħar nett, nemmen li s-suċċess ta’ dan il-mandat ma jiddependix fuq persuna waħda, iżda fuq ħidma kollettiva. Nemmen f’dak li nemmnu u nwettqu flimkien.
Il-politika tal-PN, imsejsa fuq il-valuri Demokristjani u soċjali Ewropej, tqiegħed lill-persuna fiċ-ċentru tal-politika. Din hi l-viżjoni li se tmexxina f’dawn is-sentejn li ġejjin, għall-ġid ta’ Għawdex u l-Għawdxin kollha.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Frar, 2026.