Opinjoni

Opinjoni: Żgħażagħ jiggradwaw iżda ma jsibux impjieg

Iż-żgħażagħ tagħna qed iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna problemi li aħna ta’ età ikbar mhux dejjem nifhmuhom. Problemi li jiskattaw minn x’ser jagħmlu wara li jkunu temmew l-istudji tagħhom fil-Gżejjer Maltin

Joe M. Zahra
Eks Editur u Opinjonista

Jekk hux se jsibu xogħol għal dak li jkunu studjaw. Jekk ix-xogħol li jsibu jissodisfax l-aspirazzjonijiet tagħhom. Jekk bix-xogħol li se jagħmlu hux ser jaqilgħu biżżejjed biex jagħmel tajjeb għax-xiri jew kiri ta’ post biex jibdew ħajja indipendenti. Biex jieħdu l-istat tagħhom.
Minn żmien għal żmien joħorġu ċifri li juru li pajjiżna mhux qiegħed fil-ġenna tal-art li hemm min ipinġi li hu għal uliedna u n-neputijiet tagħna.
Hekk pereżempju nindunaw li l-paga minima tagħna hi fost l-iktar baxxi fl-Ewropa. B’pajjiżi li kienu warajna jilħquna u jgħadduna.
Li l-prezzijiet tal-proprjetà u tal-kirjiet telgħu ħafna iktar milli kibret ir-rata tal-inflazzjoni li fuqha jinħadmu ż-żidiet li jingħataw il-ħaddiema. Li minnhom anke tinqata’ t-taxxa!
Dan kollu qed ipoġġi quddiem iż-żgħażagħ tagħna ħitan għoljin li mhux faċli jissuperaw. B’żgħażagħ fir-riskju tal-faqar, jew agħar fl-esklużjoni soċjali.

Aktar żgħażagħ ifittxu x-xogħol
Dan l-aħħar kienu ppubblikati ċifri dwar żgħażagħ li kienu bla xogħol fl-2025. Mhux xi erbatax-il sena ilu, iżda s-sena l-oħra! Minn dawn iċ-ċifri jirriżulta li n-numru ta’ dawk bejn is-16 u l-24 sena li qed ifittxu x-xogħol qed jikber.
Li skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika f’sena żdied minn 2,686 f’Jannar għal 3,640 f’Diċembru. Żieda ta’ 964 jew 36 fil-mija.
Minn naħa tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, iż-żieda perċentwali ta’ dawk bla xogħol taħt il-25 sena bejn Diċembru 2024 u Diċembru 2025 qabżet minn 9.7 fil-mija għal 11.9 fil-mija – żieda ta’ 2.2 fil-mija.
Dan kollu hu ta’ tħassib għaliex meta tqis kemm għexieren ta’ eluf ta’ barranin hawn jaħdmu f’pajjiżna ma tifhimix kif għandna Maltin u Għawdxin li m’għandhomx impjieg.
Sitwazzjoni li għandna nsibu tweġiba għaliha jekk ma rridux li iktar żgħażagħ iħallu pajjiżna u tkompli tikber il-problema ta’ popolazzjoni lokali li qed tiċkien.
Iż-żgħażagħ tagħna llum imorru l-Università, l-MCAST u l-ITS li huma tliet istituzzjonijiet edukattivi li tnejn minnhom welldu gvernijiet Nazzjonalisti u li t-tlieta li huma kabbru l-istess gvernijiet.

Jistudjaw u jiggradwaw imma jsibuha diffiċli biex isibu impjieg
Dawn, wara li joħorġu minn dawn l-istituzzjonijiet, jippretendu li jsibu impjiegi diċenti, li jħallsu biżżejjed biex ikunu jistgħu jibdew ħajjthom. Biex ikunu jistgħu jagħmlu depożitu biex ikollhom l-appartament tagħhom. Issa jekk b’dak li jaqilgħu meta jibdew jaħdmu ma jkunx biżżejjed biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom din għalihom tkun l-ewwel disfatta.
Agħar jekk wara li jkunu studjaw u spiċċaw l-istudji tagħhom ma jsibux impjieg; Kif ġralhom dawk it-3,600 li fl-aħħar tas-sena l-oħra kienu bla xogħol.
Aspett ieħor huma l-pagi u s-salarji li jitħallsu l-ħaddiema Maltin. Ċifri ppubblikati juru li l-pagi u s-salarji f’pajjiżna huma fost l-inqas li żdiedu. U ma jistax ikun mod ieħor meta għandek eluf ta’ ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea li jinġiebu Malta u li skont Eks-Ministru Laburista huma l-iskjavi moderni wara li Napuljun kien neħħa l-iskjavitu minn Malta!
Iż-żgħażagħ tagħna jixirqilhom aħjar. Jixirqilhom impjiegi li jissodisfahom anke mil-lat finanzjarju. Dak hu l-mudell ekonomiku ġdid li jrid għal pajjiżna l-Partit Nazzjonalista.
Mudell ekonomiku fejn b’iktar kwalità ta’ setturi ekonomiċi bħas-settur finanzjarju il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom pagi aħjar li jissodisfaw l-aspirazzjonijet tagħhom. Fejn ikun hemm bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħin liberu.

Ħtieġa ta’ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna
Aħna pajjiż żgħir b’ekonomija vibranti li tista’ tiġġenera iktar ġid, iktar valur miżjud, mingħajr il-ħtieġa ta’ iktar ħaddiema barranin. Ħadd mhu jgħid li xi darba nkunu nistgħu ngħaddu mingħajr ħaddiema barranin. Diment li l-popolazzjoni indiġena ta’ pajjiżna tkompli tonqos ċerti impjiegi bilfors iridu jibqgħu jsiru mill-barranin. Biss anke hawn irid isir studju serju, u malajr, biex jiġu identifikati liema setturi għandhom bżonn dawn il-ħaddiema.
Fl-istess waqt diversi impjiegi li bħalissa qed isiru mill-barranin, iżda li jistgħu jagħmlu l-Maltin, impjiegi bħal ngħidu aħna fis-settur tas-saħħa għandhom jitħarrġu l-Maltin biex jagħmluhom.
Għandhom jingħataw inċentivi biex jaħdmu huma f’setturi bħal dawn. Ma rridux ninsew kemm mijiet ta’ miljuni ta’ ewro qed jintbagħtu barra pajjiżna mill-ħaddiema barranin li hawn fostna. U ma jistax ikun mod ieħor meta dawn ikollhom familji fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom li jiddependu minnhom għall-għajxien.
Iżda jekk impjiegi li qed jagħmlu dawn l-immigranti jistgħu jsiru minn Maltin u Għawdxin, jekk il-Maltin u l-Għawdxin jitħajru b’kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar biex jokkupaw dawn l-impjiegi, allura nkunu f’qagħda fejn jirbaħ kulħadd.
Jirbħu ż-żgħażagħ tagħna li jsibu impjiegi li jissodisfawhom u li jħallsu tajjeb. Jirbaħ il-pajjiż li ma jkomplix jara ż-żgħażagħ iħallu pajjiżna kif qed jagħmlu llum. Jew għaliex ma sabux impjieg. Jew għaliex l-impjiegi li qed jiġu offruti mhux jissodisfawhom.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Frar, 2026.