Opinjoni

Opinjoni: Skandlu li ilu għaddej mill-2023

Wara l-iskandlu żvelat mill-PN dwar il-kontijiet tad-dawl ogħla u kif konsumaturi tħallew bla eko-riduzzjoni...

Mark Anthony Sammut
Shadow Minister għall-Enerġija
u l-Konservazzjoni tal-Ilma

Fil-jiem li għaddew żvelajna kif numru kbir ta’ nies għamlu iżjed minn sena jirċievu kontijiet mingħajr l-Eko-Riduzzjoni, u allura kienu qed iħallsu iżjed.
L-iskandlu, kif għidt dakinhar, ma kienx fil-fatt li l-ARMS inqalgħalha żball fis-sistema. Imma li din ħbietha. Kienet taf li n-nies qed iħallsu aktar milli suppost u ħalliethom iħallsu żejjed.
Fl-ewwel konferenza stampa, għamilna dak li kienet missha għamlet l-ARMS u li missu għamel il-Gvern meta ndunaw b’dak li ġara tal-inqas sena qabel.
F’ġieħ it-trasparenza, l-ARMS għandha tgħid kemm kienu l-kontijiet affetwati minn dan l-iżball, u kemm huma l-kontijiet li għadhom affetwati.
Meta ġiet infurmata b’din il-froġa l-Ministru Miriam Dalli?
X’ser tagħmel il-Ministru fuq dak li ġie żvelat fil-Parlament dwar l-abbużi kontinwi, u l-inġustizzji, li saru fl-ARMS biex jiġu aġevolati n-nies tal-qalba?
U x’sar minnhom l-istandard operating procedures li kien issuġġerixxa l-Bord li twaqqaf apposta, u li sal-lum suppost iddaħlu?
L-ARMS, il-Partit Laburista u l-Ministru, għażlu li ma jwieġbu xejn minn dawn il-mistoqsijiet. Xejn.

Ippruvaw jirriduċu l-kobor tal-problema
Minflok, qalu li vera kellhom żball tekniku, qalulna li ġew affettwati “perċentaġġ żgħir” mingħajr ma qalulna kemm hu, qalulna li s-sistema qed taħdem tajjeb, u qalulna li qed inqarrqu.
Mela, ikkonfermaw l-istorja li vera kien hemm nies qed iħallsu iżjed. Imma ppretendew li għax dawn kienu perċentaġġ żgħir, li mbagħad il-Ministru qalet li dan ifisser “ftit mijiet”… mela xejn mhu xejn?
Dan mhux indunaw dik il-ġimgħa. Dan kienu ndunaw sena qabel tal-inqas.
U dak li kixfu l-korrispondenzi elettroniċi interni tal-ARMS. Li oriġinarjament kien hemm affettwati 50,000 kont. Jiġifieri din ma kenitx problema żgħira.
Aktar u aktar meta l-aġenti rrappurtaw din il-problema fi Frar tas-sena l-oħra u l-ARMS iggwidathom kif ser isolvuha lil min jilmenta. Imma ma għamlet xejn fuq dawk li ma jindunawx.
Wara numru ta’ ġranet fejn l-ARMS u l-Partit Laburista ppruvaw jgħidu li l-PN qed jigdeb u li s-sistema qed taħdem tajjeb, issa l-Ministru ammettiet li mijiet ta’ nies ħallsu żejjed u qed tgħid li l-ARMS se tieħu l-passi biex tirranġa l-problema u jagħtu l-flus lura lin-nies.
Imma dan ifisser li kien hemm xi ħaġa li setgħu jagħmlu sena ilu. Ara llum, tefgħu l-aġenti b’mijiet ta’ kontijiet ta’ nies milquta, u talbuhom jirreveduhom anke lil min ma kienx għadu nduna.

Għall-Gvern kulħadd sar numru
Il-kwistjoni dawruha biss fuq kenux eluf jew mijiet. Bħallikieku għax ikun wieħed, tajjeb. Ara kemm għal dal-Gvern kulħadd sar biss numru u m’għadux jirrispettak
Aħna għalina lanqas li kieku kien bniedem wieħed, li qed iħallas żejjed għax ukoll problema.
Li kieku jien inkun naf li kumpanija li jien responsabbli tagħha, in-nies li poġġejt jien qed iħallu bniedem wieħed iħallas żejjed għal sena u nofs, u jafu li qed iħallas żejjed, imma jħalluh hekk għax hu ghadu ma ndunax, nixkanahom il barra. Aħseb u ara jkun hemm hemm eluf, jew mijiet, ħa noqogħdu fuq il-mijiet li waslet tammetti l-Ministru.
Imm din l-ammissjoni, tfisser fuq kollox żewġ affarijiet:
 L-ewwel, li kellu jkun il-PN biex l-ARMS tibda tindirizza l-problema u l-ħlas żejjed jingħata lura, kif qed jikkonfermawlna mijiet ta’ konsumaturi li qed ikellmuna;
 It-tieni, hija ammissjoni li għal tal-inqas sena l-ARMS ħbiet din il-problema lill-konsumaturi u ħalliethom iħallsu żejjed sakemm ma jindunawx.
Fl-isfond ta’ dan kollu tajjeb li nkompli niżvela li s’issa, assumejna li l-ARMS u l-Ministru kienu qed jgħidu l-verità meta qalu li din il-problema nqalgħet minħabba upgrade fis-sistema li sar f’nofs l-2024.
Illum nista’ nikkonferma li lanqas dik id-dikjarazzjoni m’hi veritiera.
Jien għandi l-provi li l-problema tmur lura saħansitra għall-2023 u kont partikulari tad-dawl u l-ilma juri li l-ARMS mhux talli għadha ma solvietx il-problema, imma talli għadha lanqas biss fehmet minn fejn hi ġejja din il-problema.
Għalhekk tlabna investigazzjoni mill-MCCAA u r-REWS.
Pajjiżna suppost għandu awtoritajiet, regolaturi, indipendenti u awtonomi mill-Gvern u mill-Ministru, u għandhom jagħmlu xogħolhom.
S’issa kellna risposta mill-MCCAA. Għadna qed nistennew risposta mir-Regolatur għall-Enerġija ta’ pajjiżna.

Kompliċi fil-problema
Filwaqt li l-audit tal-Ministru jista’ jwassal biex wieħed jifhem l-entità dal-problema, kif diġà għidna din m’għadhiex kwistjoni ta’ audit. Din hi kwistjoni ta’ fiduċja, li l-ebda audit mhu se jsewwi.
In-nies ma jistax ikollhom iżjed fiduċja fil-kontijiet u l-istqarrijiet tal-ARMS sakemm tibqa’ hemm it-tmexxija preżenti. Tmexxija li l-Ministru stess qed tikkonferma li waslet lill-ARMS toħroġ kontijiet ħżiena għal iżjed minn sena, gidbet dwarha, u ħadet passi biss wara li żvelat kollox l-Oppożizzjoni.
Bl-għażla li tibqa’ tiddefendi dan l-aġir il-Ministru qed tikkonferma li kienet kompliċi ma’ dan il-qerq. U hu għalhekk li baqgħet qatt ma wieġbet meta kienet infurmata b’dan l-iżball u dawn il-kontijiet ħżiena.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 8 ta’ Frar, 2026.