Lokali

Qed jiżdiedu mal-35 karozza kuljum fit-toroq tagħna

Kważi nofs miljun vettura fit-toroq tagħna

Matul ir-rabaʼ kwart tal-2025, l-istokk tal-vetturi bil-liċenzja żdied bi 3,265 fuq it-tliet xhur taʼ qabel. Fl-istess perjodu, l-istokk tal-vetturi bil-liċenzja żdied b’medja netta taʼ 35 vettura kuljum.

Dan ħareġ miċ-ċifri ppubblikati mill-NSO għax-xhur bejn Ottubru u Diċembru li għadda, fejn intqal li l-biċċa l-kbira tal-vetturi bʼliċenzja ġdida, 3,754 vettura jew 61.3 fil-mija tat-total, kienu karozzi tal-passiġġieri; warajhom kien hemm il-muturi/roti megħjunin bʼenerġija elettrika b’1,501 jew 24.5 fil-mija.

Magni li jaħdmu bil-petrol kienu jgħoddu 57.9 fil-mija tat-total tal-istokk tal-vetturi bil-liċenzja. Warajhom, kien hemm magni li jaħdmu bid-diżil (34.0 fil-mija), u magni li jaħdmu bl-elettriku u plug-in hybrid (4.9 fil-mija).

Meta mqabblin mat-tielet kwart tal-2025, kienu rreġistrati żidiet taʼ 11.8 fil-mija, 8.4 fil-mija u 4.2 fil-mija fl-għadd taʼ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, vetturi plug-in hybrid li jaħdmu bid-diżil u l-elettriku, u vetturi mild hybrid li jaħdmu bid-diżil u l-elettriku, rispettivament.

Fi tmiem Diċembru, l-istokk tal-vetturi lliċenzjati kien taʼ 457,403.