Illum beda l-Munich Security Conference… avveniment annwali li jiġbor mexxeja minn madwar id-dinja kollha biex jiddiskutu l-iktar temi importanti fir-rigward tas-sigurtà tad-dinja.
Illum, it-13 ta’ Frar, l-ewwel diskors huwa tal-Kanċillier Ġermaniż li hu intitolat ‘Il-Ġermanja fl-Ewropa u fid-dinja’ li se jseħħ mis-sagħtejn neqsin kwart sas-sagħtejn u nofs.
Imbagħad, bejn is-sagħtejn u nofs u t-tlieta u kwart, se jkun hemm żewġ diskussjonijiet b’mod parallel ma’ xulxin. Wieħed se jkun dwar l-ordni internazzjonali u l-ieħor se jkun dwar id-dejn internazzjonali. Fl-ewwel minn dawn iż-żewġ diskussjonijiet se tkun parteċipanta l-Kummissarju Ewropea għall-Affarijiet Barranin u għas-Sigurtà Kaja Kallas.
Fit-tlieta u għaxra se jkun hemm diskors mill-Ministru għad-Difiża tal-Ġappun intitolat ‘Il-Ġappun fid-Dinja’.
Bejn it-tlieta u nofs u l-ħamsa se jkun hemm sitt diskussjonijiet fl-istess ħin li jinkludu t-tariffi u l-kummerċ, il-governanza għall-ispazju, Gaza, is-sigurtà marittima, is-sigurtà bioloġika globali, u s-sigurtà tal-Artiku.
Bejn l-erbgħa u nofs u l-ħamsa u kwart se jkun hemm erba’ diskussjonijiet oħra li jinkludu t-tibdil fil-klima, it-theddida mill-armi nukleari, ir-reġjun tas-Sahel, u l-assistenza umanitarja.
Imbagħad, mill-ħamsa u nofs sas-sitta u kwart, erba’ diskussjonijiet oħrajn se jseħħu fuq temi tal-hybrid warfare, il-ġeopolitika tar-riżorsi, l-istat tar-Russja, u ż-żieda fil-populiżmu. Fl-aħħar minn dawn l-erba’ diskussjonijiet se jkun parteċipu l-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber.
Bejn is-sitta u kwart sas-sebgħa u kwart se jkun hemm tliet diskussjonijiet – waħda dwar l-intelliġenza artifiċjali, waħda dwar il-kooperazzjoni fid-difiża f’arena globali, u l-oħra dwar il-garanziji għas-sigurtà fl-Ukrajna.
Mis-sebgħa neqsin kwart sat-tmienja neqsin kwart, il-President tal-Parlament Ewropew u l-Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola se tkun qed tipparteċipa f’diskussjoni dwar il-kapitlu li jmiss għall-Iran flimkien mas-Senatur Amerikan f’isem il-Partit Repubblikan Lindsey Graham, konsulent ewlieni għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija Manal Radwan, u akkademiku mill-Carnegie Endowment for International Peace Karim Sadjadpour.
Fis-sebgħa hu mistenni li jagħmel id-diskors tiegħu l-President Franċiż Emmanuel Macron, u wara pawża sal-għaxra, se jkun hemm l-aħħar diskussjoni – li hi dwar it-tibdiliet fil-foreign policy Amerikana – bejn il-Gvernatur Demokratika tal-Istat ta’ Michigan Gretchen Whitmer, ir-Rappreżentanta Demokratika Alexandria Ocasio-Cortez, u r-Rappreżentant Permanenti Amerikan taħt il-Gvern ta’ Trump lejn in-NATO.
Il-Munich Security Conference se jkun għaddej mil-lum u se jintemm nhar il-Ħadd.
Roberta Metsola fost il-parteċipanti llum fil-Munich Security Conference


