Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ingrid Bianco, ikkundannat żagħżugħ sentejn ħabs wara li fuq ammissjoni sabitu ħati li kiser żewġ ordnijiet ta’ trażżin maħruġa favur ommu u ħuh u dan ftit ġimgħat biss wara li kienu ġew imposti fuqu mill-Qorti.
Il-każ seħħ fit-22 ta’ Jannar 2026 bejn it-3.00pm u l-4.00pm f’residenza fin-Naxxar, meta l-imputat kiser il-projbizzjonijiet imposti fuqu permezz ta’ ordni maħruġa fid-9 ta’ Jannar 2026 mill-Maġistrat, illum Imħallef, Dr. Charmaine Galea.
L-akkużi kienu jinkludu żewġ ksur distinti ta’ ordni ta’ trażżin, kif ukoll il-fatt li wettaq reat waqt li kien taħt sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin. Huwa ġie wkoll akkużat bħala reċidiv. Waqt seduta li saret fit-2 ta’ Frar 2026, huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti osservat il-proċedura stabbilita mil-liġi u wissietu b’mod solenni dwar il-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu, inkluż il-pieni li jġorru r-reati. Wara li ngħata żmien sabiex jikkonsulta mal-avukat tiegħu u jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, l-imputat ikkonferma l-ammissjoni volontarja u inkundizzjonata tiegħu.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset in-natura serja tal-ksur, il-fatt li r-reat twettaq waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, kif ukoll l-ammissjoni bikrija tal-imputat. Għalkemm ma kinitx marbuta bis-sottomissjonijiet tal-partijiet dwar il-piena, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-qbil li kien hemm dwar piena adegwata fiċ-ċirkostanzi.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti kkundannat ukoll lill-ħati għal multa ta’ €7,000 u ordnat li s-sentenza preċedenti ta’ sentejn priġunerija sospiża għal erba’ snin issir operattiva. Dan ifisser li l-ħati għandu jservi perjodu ta’ sentejn ħabs, li minnu jitnaqqas iż-żmien li qatta’ taħt arrest preventiv relatat ma’ dan il-każ. Il-Qorti awtorizzat ukoll li l-multa titħallas fuq perjodu ta’ tliet snin.
Barra minn hekk, inħarġet ordni ta’ trażżin ġdida favur ommu u ħuh għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tas-sentenza, bil-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti. Huwa ġie mfakkar li kwalunkwe ksur ta’ din l-ordni jista’ jwassal għal multa oħra ta’ €7,000 jew sa sentejn priġunerija, jew it-tnejn flimkien.
Il-Qorti poġġiet ukoll lill-ħati taħt Ordni ta’ Trattament għal tliet snin, sabiex jirċievi trattament psikoloġiku u/jew psikjatriku kif meqjus meħtieġ mill-professjonisti kompetenti, kif ukoll trattament relatat ma’ kwalunkwe vizzju li jista’ jiġi identifikat.
Finalment, ġie ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija u lid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, filwaqt li l-Avukat Ġenerali għandu jingħata aċċess għall-atti skont kif tipprovdi l-liġi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.
//= $special ?>

