Lokali Qorti

Titlob kumpens wara li tilfet idejha f’attakk ta’ kelb adottat mill-Animal Welfare

Mara li kellha jdejha x-xellugija amputata wara li ġiet attakkata minn kelb waqt adozzjoni fuq bażi ta’ prova qed takkuża lill-awtoritajiet b’“nuqqasijiet istituzzjonali” u qed titlob kumpens għad-danni li sofriet. Elisa Falzon ġiet attakkata f’Ġunju tal-2024 minn kelba li hi u żewġha kienu adottaw temporanjament mingħand l-Animal Welfare.

Skont ittra ġudizzjarja ppreżentata quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-attakk ħalla lil Falzon filperiklu tal-mewt, ikkawżalha amputazzjoni ta’ jdxejha x-xellugija, ġrieħi serji f’idha l-oħra, trawma psikoloġika u diżabilità permanenti.

Fl-ittra jingħad li l-kelb kien ġie ppreżentat lill-koppja bħala wieħed “mans, kalm u ġentili”. Falzon qed iżżomm responsabbli uffiċjali għolja tal-Animal Welfare, lill-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said u lill-Avukat tal-Istat, fejn allegat li kien hemm fallimenti sistematiċi fix-xelter li wasslu għall-attakk.

L-avukati tagħha talbu li jitħallas kumpens għat-telf finanzjarju “sostanzjali” li sofriet, inkella tittieħed azzjoni legali ulterjuri. Il-Ministeru responsabbli qal li l-pożizzjoni tiegħu hija differenti mill-allegazzjonijiet magħmula u li se jindirizza l-kwistjoni permezz tal-miżuri legali xierqa.

L-avukati sostnew li peress li l-adozzjoni ma kinitx finalizzata, il-kelb baqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Animal Welfare. Huma allegaw li ma sarx assessjar adegwat tal-imġiba tal-kelb qabel ma ġie promoss għall-adozzjoni.

Skonthom, l-attakk seħħ ħamest ijiem biss wara li l-kelb ittieħed id-dar, meta “mingħajr twissija jew provokazzjoni” l-ewwel gidem il-kelb tal-familja u mbagħad dar fuq Falzon u attakkaha b’mod vjolenti. It-tim legali ta’ Falzon irrefera wkoll għal rapport ippubblikat ix-xahar li għadda mill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Fleur Abela, li enfasizza problemi persistenti fix-xelter tal-Animal Welfare fl’Għammieri.

Ir-rapport kien jirrigwarda, fost oħrajn, il-proposta kontroversjali biex 20 kelb tat-tip “bully” jiġu trasferiti lejn l-Italja f’Diċembru li għadda, pjan li aktar tard ġie abbandunat. Fost in-nuqqasijiet indikati kien hemm in-nuqqas ta’ nies kwalifikati, infrastruttura inadegwata u iffullar, kif ukoll rakkomandazzjoni li deċiżjonijiet dwar adozzjonijiet ma għandhomx jittieħdu minn persuna waħda biss.

Għalkemm ir-rapport ġie ppubblikat sena u nofs wara l-attakk, l-avukati akkużaw lill-awtoritajiet li baqgħu “kompletament passivi” u naqsu milli jindirizzaw in-nuqqasijiet serji indikati. Fl-ittra ġudizzjarja, huma talbu li l-kumpens jitħallas fi żmien ħamest ijiem sabiex tiġi evitata kawża oħra quddiem il-qorti. Falzon qed tiġi assistita mill-avukati Alessia Zammit McKeon u Massimo Vella.