Lokali

“Tliet familji li tilfu kważi kollox” – appell għall-għajnuna wara n-nirien f’Birkirkara

Numru ta’ individwi bdew inizjattiva sabiex jgħinu lit-tliet familji li tilfu kważi kollox fin-nar devastanti li qered maħżen ta’ scooters elettriċi f’Birkirkara – garaxx li fuqu kienu jgħixu tliet familji.

Wara dan il-każ, il-proprjetajiet ta’ dawn il-familji inqerdu kważi kompletament bid-dħaħen u n-nugrufun. Dan apparti li tkissru t-twieqi tal-istess residenzi bis-saħħa tal-fjammi.

Wara li intefa n-nar, il-familji kellhom jiġu skortati bil-Pulizija biex forsi jiġbru xi oġġetti li ħelsuha min-nar – u x-xena li raw quddiem wiċċhom kienet tat-tkexkix. Kienu prattikament tilfu dak kollu li ħadmu għalih tul ħajjithom.

Qraba ta’ dawn il-familji kkonfermaw li ħadd ma weġġa’ fin-nirien; iżda l-proċess biex jibnu ħajjithom mill-ġdid żgur se jieħu ż-żmien.

Kien għalhekk li inbeda proċess sabiex jinġabru fondi, b’appell sabiex in-nies jikkontribwixxu u jgħinu lil dawn it-tliet familji.

https://whydonate.com/fundraising/help-this-maltese-family

In-nar industrijali li ħakem din il-proprjetà f’Birkirkara tant kien qalil li t-triq kellha tingħalaq. U d-dipartiment kien wissa lir-residenti tal-madwar biex jagħlqu t-twieqi minħabba d-duħħan.

Biex intfew in-nirien li ħakmu dan il-garaxx ġew użati 220,000 litru ta’ ilma u 5,000 litru ta’ foam.