Lokali

BIR-RITRATTI : Il-karrijiet jagħmlu l-wasla tagħhom fil-Belt Valletta

Ritratti : Catriel Farrugia Sghendo

Minn Rockestra, għall-ispice girls, il-logħoba Monopoly u anke MasterChef.

Huma dawn it-temi prinċipali tal-karrijiet li din is-sena qed jikkompetu fis-Sezzjoni A Trijumfali u cioè bil-karrijiet il-kbar. Karrijiet li huma kkaraterizzati minn kuluri, movimenti, karattri, personalitajiet Maltin u anke dawk barranin.

Fit-tieni jum tal-Karnival ta’ Malta l-poplu Malti u Għawdxi stenbaħ bil-karrijiet fil-Belt Valletta hekk kif matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt il-kumpaniji tal-karnival ħadu triq twila sabiex wasslu l-karrijiet fil-belt kapitali ta’ pajjiżna.

NetNews mar il-Belt Valletta u tkellem mal-leaders tal-kumpaniji li se jkunu qed jikkompetu f’Sezzjoni A Trijumfali u għalhekk bil-karrijiet biss. Bil-kumpaniji jgħidulna li issa x-xogħol kollu li tant ħadmu għalih jista’ jitgawda mill-pubbliku.

Il-kumpaniji spjegaw kif dawn il-jiem jgħaddu malajr ħafna iżda esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li jaraw iċ-ċkejknin u l-poplu kollu japprezzaw l-arti li jkunu għamlu.

Fost is-sodisfazzjon u anke l-ansjetà li huma qed iġorru, l-akbar biża’ huwa dak tat-temp. Hekk kif inhu mbassar li l-Ħadd jagħmel il-maltemp bir-riħ u anke r-ragħad. Filwaqt li t-Tnejn huwa mbassar li t-temp ikun bix-xita u anke bir-riħ.

Għalhekk, huma spjegaw li huma ftit il-prekawzjonijiet li jistgħu jieħdu sabiex jieħdu ħsieb il-karrijiet tagħhom.


Minkejja dan, huma spjegaw li t-temp huwa element li ħadd ma jista’ jbiddlu u għalhekk huma xorta jittamaw li l-pjaċir u s-sodisfazzjon tagħhom jgħeleb dan kollu.

Intant, matul il-ġurnata tas-Sibt saret il-Qarċilla fit-toroq tal-Belt. Dan filwaqt li aktar tard, il-karrijiet iddaħħlu l-Belt Valletta sabiex jibdew bl-ispettakli tagħhom, waqt li kien hemm anke l-kumpaniji taż-żfin li qed jikkompetu Sezzjoni A u B.

Matul il-jum tal-Ħadd, mistenni li bejn l-10:30 ta’ filgħodu u l-12:15 fi Pjazza San Ġorġ issir il-kompetizzjoni taż-żfin ta’ Sezzjoni Ċ u D flimkien ma’ band tradizzjonali tal-karnival u anke maskri.

U mis-2:30 sas-6:30 ta’ waranofsonhar, fi Pjazza San Ġorġ isir iż-żfin mill-kumpaniji li qed jikkompetu Sezzjoni A u D, bil-parteċipazzjoni tar-Re tal-Karnival, u l-karrijiet ta’ Sezzjoni A, B u Ċ.